Il-Ministru Roderick Galdes irriżenja minn Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.
Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela nnifsu ftit tal-minuti ilu hekk kif spjega li Galdes bgħatlu ittra, b’Robert Abela jaċċetta din ir-riżenja.
Fl-ittra ta riżenja, Roderick Galdes sostna li ħa d-deċiżjoni li jirriżenja mill-kariga ta’ Ministru sabiex inaddaf ismu minn allegazzjonijiet li tqajmu fl-aħħar ġimgħat u xhur.
Galdes saħaq li jinsab seren u trankwill.
Fl-aħħar xhur, l-eks Membru Parlamentari Ewropew Laburista Marlene Mizzi kienet akkużat lil Roderick Galdes bi ndħil u relazzjonijiet ma’ kuntratturi, fost l-iskandlu tal-Malita kif ukoll in-numru ta’ proprjetajiet li kellu kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.
Fl-aħħar ġimgħat tqajmu wkoll kwistjonijiet mas-Sindku tal-Birgu John Boxall meta kawża tal-maltemp kienet waqgħet opramorta ta’ binja tal-housing, liema binja Galdeskien jaf bil-periklu tagħha għal xhur u snin sħaħ, madanakollu, kien injora għal kollox l-appelli tas-Sindku Laburista.
Intant, l-avukat Jason Azzopardi fuq il-midja soċjali insista li saħansitra għandu evidenza ġdida fuq l-issa eks Ministru Galdes li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qiegħed imur biha għand il-Pulizija.
Roderick Galdes huwa r-raba’ membru tal-Kabinett ta’ Robert Abela li kellu jirriżenja wara r-riżenji ta’ Rosianne Cutajar, Clayton Bartolo u Justyne Caruana.
//= $special ?>

