Lokali

Raġel isofri ġrieħi wara li kien qed jaħdem f’xaft ta’ lift f’San Pawl il-Baħar

Raġel minn San Pawl il-Baħar kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li ġarrab xi ġrieħi hekk kif kien qed jaħdem f’xaft ta’ lift.

Il-każ seħħ ftit qabel is-sagħtejn tas-Sibt waranofsinhar f’residenza fi Triq id-Duluri, f’San Pawl il-Baħar stess hekk kif ġirien fl-akwata rrapportaw mal-Pulizija li nstemgħa ħoss ta’ splużjoni.

Kelliema għall-Pulizija spjegaw li r-raġel ta’ 48 sena kien qed jaħdem bi grinder u f’dak li l-ħin taru xi sparks li kkawżaw splużjoni żgħira. Filwaqt li fil-post ġew imsejħa minnufih uffiċjali tal-Pulizija, tim mediku tal-ambulanzi u uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ma jidhirx li ġew ikkawżati xi nirien.

Intant, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei bil-kundizzjoni tiegħu għadha mhux magħrufa.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet meħtieġa b’rabta mal-każ.