Futbol Sport

TAĦT IL-LENTI TAL-MEDIA TALJANA: “In-nies ta’ Nocerina ma jridux imħatri”

Il-President ta' Ħamrun Spartans, Joseph Portelli
Il-President ta' Ħamrun Spartans, Joseph Portelli

Fl-Italja, hemm reazzjonijiet imħalltin wara li ħarġet l-aħbar dwar il-mossa tal-imprenditur Għawdxi u President ta’ Ħamrun Spartans, Joseph Portelli illi jinsab f’diskussjonijiet mas-sidien ta’ ASD Nocerina Calcio bil-għan li jixtri lill-klabb Taljan li jilgħab fis-Serie D. Dan hekk kif fost il-partitarji ta’ Nocerina qed jinħass sens ta’ aspetattiva – iżda fl-istess waqt, ma jridux li l-club tagħhom jispiċċa biss “sors finanzjarju”.

Il-ġurnal online Salerno in Web qed jirrapporta li l-partitarji ma jridux jibqgħu imdendlin bejn staġun u ieħor, f’ħafna inċertezzi. Fl-istess waqt, dawk li tkellmu ma’ dan is-sit stqarrew li b’Portelli qed jistennew li jkun hemm programm ċar u viżjoni għall-club tagħhom, li jinsab qrib Napli – viżjoni mingħajr ħafna slogans bombastiċi jew manuvri straordinarji għal ġimgħa biss.

L-akbar inkwiet jibqa’ marbut mal-fatt li s-sostenituri ta’ Nocerina ma jafux eżatt x’qed jistennew minn Joseph Portelli. U t-tim li jilbes l-istess kuluri ta’ Ħamrun Spartans żgur li ma jixtieqx jispiċċa f’nofs ħafna ħolm li jevaporaw fix-xejn.

“In-nies ta’ Nocerina ma jridux imħatri”, kiteb Massimiliano Catapano fl-analiżi li għamel fuq is-sit Salerno in Web.

It-tentattivi ta’ Joseph Portelli ilhom għaddejin

Fix-xhur li għaddew, Portelli għamel offerta ta’ €1.3 miljun sabiex jixtri lill-klabb ta’ Siena fl-Italja. Madankollu din l-offerta kienet irrifjutata mil-klabb, bl-istess rapport saħqu li l-klabb mill-Belt ta’ Toskana, ma ta ebda lok lil Portelli, u lill-kumpanija tiegħu li għamlet l-offerta, tkompli tinnegozja.

Ix-xewqa ta’ Portelli li jixtri klabb tal-futbol fl-Italja, ilha fil-mira tiegħu tant li kemm-il darba tkellem fil-midja dwar din il-ħolma. Saħansitra, fl-2022 kien hemm l-ewwel rapport fil-midja Taljana, li żvelaw kif Portelli kien f’negozjati mas-sidien ta’ Lucchese, klabb Taljan mill-belt ta’ Lucca li tinsab ukoll f’Toskana.

Jidher li wara li Portelli rnexxilu jilħaq tragward storiku fil-futbol Malti, li ebda President ieħor ta’ klabb Malti qatt ma kien irnexxilu jilħaq, ċioé li jmexxi klabb sal-istadju ta’ Kampjonat ta’ waħda mill-kompetizzjonijiet tal-UEFA, issa l-prijoritá tiegħu hi li jsir propjetarju ta’ klabb fl-Italja. Sal-lum dawn in-negozjati ma kenux faċli, tant li f’Diċembru li għadda Portelli kien esprima interess kbir li jakkwista lill-klabb tas-Serie B fl-Italja, Sampdoria, iżda s-sidien tal-klabb kien ċaħad li kienu f’diskussjonijiet ma’ Portelli.