Lokali

 Avviż mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol dwar it-temp

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Fir-rigward tal-kundizzjoni tat-temp li mistennija taqleb għall-agħar, għada t-Tnejn 26 ta’ Jannar, l-Awtorità tappella għall-kawtela fix-xogħol fuq barra, speċjalment f’siti ta’ kostruzzjoni. Xogħol viċin il-baħar għandu jiġi evitat. L-Awtorità wkoll tfakkar li temp bħal dan jista’ jwassal għal ħsarat fuq postijiet tax-xogħol. Wara għandhom isiru l-ispezzjonijiet meħtieġa mill-Project Supervisors u tekniċi tal-Health & Safety biex ħsarat li jistgħu joħolqu riskji jiġu indirizzati immedjatament, u tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha.

Bil-bidliet mistennija fil-kundizzjonijiet tat-temp u riħ qawwi, huwa kruċjali li jissaħħu l-miżuri ta’ prekawzjoni biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Riħ qawwi jista’ joħloq perikli serji bħal skart jew materjal li jaqa’ u strutturi instabbli.

Prekawzjonijiet essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà li għandhom jiġu osservati:

  • Evita xogħol barra f’għoli jew qrib strutturi instabbli.
  • Evita xogħol fuq soqfa, skaffolding jew passaġġi elevati.
  • Orbot jew neħħi l-materjali, l-għodod, it-tagħmir u l-istrutturi temporanji kollha li jistgħu jiċċaqalqu.
  • Żgura li s-sinjali u l-komunikazzjoni fuq is-sit jirriflettu l-kundizzjonijiet attwali.
  • Żomm aċċess ċar għal emerġenzi f’kull ħin.
  • Oqgħod attent qrib is-siġar, il-linji tal-elettriku u l-istrutturi temporanji.
  • Avża lill-ħaddiema biex jippjanaw l-ivvjaġġar tagħhom b’attenzjoni, jallokaw iżjed ħin u jibqgħu attenti għal skart, materjal jew oġġetti li jistgħu jaqgħu qrib parkeġġi u postijiet ta’ dħul.
  • Il-krejnijiet għandhom jitħallew iduru meta ma jkunux taħt superviżjoni u m’għandhomx ikollhom piżijiet sospiżi.

Għal pariri jew kjarifiki, ikkuntattja l-Helpline tal-Awtorità fuq 138.