Għawdex Lokali

AĠĠORNATA: Jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex

Catriel Farrugia Sghendo

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut fetaħ il-Kunsill Ġenerali li tlaqqa’ illum f’Għawdex – Kunsill illi fetaħ bil-qari tal-minuti minn naħa tas-Segretarju Eżekuttiv Organizzativ Stefan Caruana.

Imbgħad Ramona Muscat preżentat ir-rapport dwar l-ewwel mozzjoni li kellu quddiemu dan il-Kunsill Ġenerali, wara d-diskussjoni fl-Ewwel Reġjun – bl-assemblea f’dan ir-reġjun tiffoka fuq il-bżonn li pajjiżna jkollu partit viżjonarju li jġib bidla vera. It-tieni assemblea iffukat fuq il-bżonn li Malta tkun lesta għall-isfidi tal-futur, fejn Ryan Cachia preżenta r-rapport tat-Tieni Reġjun.

Lara Maria Agius preżentat ir-rapport tat-Tielet Reġjun, b’mozzjoni li ffukat fuq il-ħtieġa ta’ komunitajiet b’saħħithom li għandhom ikunu l-pedament ta’ soċjetà b’saħħitha.

Ir-rapport tar-Raba’ Reġjun ġie preżentat minn Jean Paul Barbara, fejn l-assemblea kellha quddiemha mozzjoni li ffukat fuq il-ħtieġa ta’ governanza tajba u l-konabbiltà.

L-aħħar mozzjoni kienet diskussa fl-assemblea Reġjonali ta’ Għawdex, u ffukat fuq il-bżonn li l-ġid jinħass tassew minn kulħadd u jasal għand il-familji. Ir-rapport ta’ din l-assemblea kien preżentat minn Kevin Cauchi.

Intant, il-Kunsill Ġenerali kien indirizzat minn Nicole Portelli, Segretarju tal-MŻPN u kunsilliera f’Ħ’Attard, illi tkellmet dwar l-ispirtu żagħżugħ li qed jinħass sew fil-Partit Nazzjonalista. Iżda saħqet li fadal xi jsir – fosthom b’policies fejn jidħol l-ambjent, skemi għar-restawr sostenibbli, investiment fit-trasport, is-saħħa mentali u anke l-edukazzjoni.

Is-Sindku tas-Siġġiewi u kandidat ġdid għall-elezzjoni ġenerali Julian Borg tkellem dwar l-importanza ta’ politika mal-poplu – li jkollok Gvern li tassew jisma’ lin-nies, u jifhem lin-nies. “Irridu nagħtu lill-poplu dak li jistħoqqlu, u politiċi li jkunu onesti”. Bil-kandidat tal-PN jinsisti li l-politika trid iddur mal-individwu.

Il-kandidat il-ġdid tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Oliver Cini stqarr li l-politika ma tridx tkun ibbażata fuq slogans – imma fuq responsabbiltà u azzjonijiet konkreti. U fakkar li kien il-PN il-partit li bena l-pedament tal-ekonomija tagħna. Hu nsista wkoll li rridu nkunu umli u initi, filwaqt li noffru viżjoni.

Il-kandidat Għawdxi Frank Anthony Tabone fid-diskors tiegħu iffoka fuq l-isfidi tal-Għawdxin, filwaqt li tenna li din il-gżira għandha potenzjal kbir – reġjun li joffri opportunità li qed tiġi sottovalutata minn naħa tal-Gvern. Hu semma’ l-problemi serji marbutin tal-konnettività, l-istat tat-toroq, il-viżju tad-droga, u n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ jobs f’Għawdex stess.

Il-Kunsill Ġenerali kien indirizzat ukoll mill-kandidat Għawdxi Luke Said illi fisser għaliex il-PN huwa l-Gvern alternattiv għal pajjiżna. Hu semma’ l-problema taż-żgħażagħ biex jixtru proprjetà, u l-bżonn ta’ aktar investiment kemm fl-edukazzjoni kif ukoll fil-konnettività. Fid-diskors tiegħu hu insista li l-PN huwa l-futur tal-pajjiż.

Il-kandidata Għawdxija għall-elezzjoni ġenerali Norma Camilleri semmiet kif in-nies jeħtieġ li jingħataw servizz serju f’kull qasam. Hi qalet illi t-triq ‘il quddiem għal Għawdex u Malta trid tkun ibbażata fuq investiment – mhux fuq proġetti li ma jiswew xejn u sparpaljar ta’ flus. Apparti minn hekk, irridu naraw djar affordabbli, ambjent naturali, infrastruttura li tiflaħ u fuq kollox viżjoni ħolistika li toħloq xogħol ta’ kwalità.

Id-deputat Eve Borg Bonello fl-indirizz tagħha, insistiet li l-poplu kapaċi jġib il-bidla sabiex jinbena pajjiż aħjar. Hi qalet li Gvern Nazzjonalista se jkun qed joffri opportunitajiet lil kulħadd. “Irridu nibqgħu niġġieldu għas-sewwa, għaliex dan huwa tassew il-mument”, qalet Borg Bonello.

Id-deputat Stanley Zammit minn naħa tiegħu spjega kif il-Labour ħoloq kaos ta’ policies li qerdu l-ambjent. Hu tkellem dwar l-ippjanar sostenibbli li jemmen fih il-PN. Dan filwaqt li l-benesseri tan-nies se jkun il-kejl ewlieni tal-PN – favur żvilupp li jtejjeb il-ħajja tan-nies.

Id-deputat Rebekah Borg tkellmet dwar kif Malta u Għawdex jistgħu jkunu aħjar – mhux biss ħolm, imma b’azzjoni. Hi fissret għaliex il-PN jista’ tassew jagħmel id-differenza. “Meta ħdimna flimkien, Malta irnexxiet”, qalet id-deputat Nazzjonalista.

Id-deputat Darren Carabott semma’ kif il-PN tassew għandu l-potenzjal li jbiddel lil pajjiżna għall-aħjar – bi pjan għall-ambjent u s-saħħa, u bi kwalità ta’ ħajja aħjar. Hu nsista li dan il-potenzjal issa jrid jintlaħaq, u l-PN irid verament jagħmel suċċess – u jirbaħ.

Id-deputat Beppe Fenech Adami tkellem dwar il-fatt li dan il-Kunsill Ġenerali qed jitlaqqa’ ftit xhur biss qabel elezzjoni ġenerali. U tenna li Gvern ġdid Nazzjonalista kapaċi jġib lil pajjiżna l-aqwa. Dan filwaqt li flimkien ma’ Alex Borg, il-PN se jerġa’ jkun partit rebbieħ.

Is-Segretarju Internazzjonali tal-PN u kandidat Għawdxi Beppe Galea tkellem dwar il-ħtieġa ta’ viżjoni, sabiex l-isfidi jiġu affaċjati – u li l-ħidma tal-PN tkun tassew iffukata fuq l-eċċellenza. “Dan hu l-mument li l-poplu Malti u Għawdxi jkun rebbieħ mill-ġdid”, stqarr Galea.