Lokali

“Il-każ Galdes juri preċiżament għalfejn Malta injorat il-pariri tal-OECD dwar il-kunflitti t’interess” – Repubblika

Repubblika tinnota bi tħassib ir-rivelazzjonijiet ġodda li ppubblikat it-Times of Malta dwar rabtiet bejn membri tal-familja ta’ Roderick Galdes u kuntrattur fi proġetti ta’ housing soċjali. Dawn ir-rabtiet allarmaw lill-Financial Intelligence Analysis Unit (l-FIAU) diġà fl-2021.

Fi stqarrija Repubblika spjegat li r-riżenja ta’ Roderick Galdes kienet attentat tal-eks-ministru li jantiċipa l-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rivelazzjonijiet. Dan jikkonferma kemm din l-informazzjoni, issa f’idejn il-pubbliku, hi gravi u kemm kien magħruf jew messu kien magħruf fiċ-ċrieki interni tal-gvern.

Dak li qed jinkixef mhux xi każ iżolat. Dan hu falliment fis-sistema ta’ kif Malta tamministra l-kunflitti t’interess. Ministru fdat li jmexxi s-settur tal-housing jidher li ħadem f’ambjent fejn l-interessi tal-familja u l-interessi kummerċjali rikbu fuq appalti pubbliċi, mingħajr salvagwardja, għassa, jew konsegwenza.

Dan hu preċiżament it-tip ta’ riskju li kienet identifikat l-OECD fl-2023 meta ppubblikat studju dwar il-qafas Malti għall-ħarsien tal-integrità fil-ħajja pubblika. L-OECD avżatna li Malta m’għandhiex regoli ċari u li jistgħu jkunu infurzati biex namministraw il-kunflitti t’interess, li d-dikjarazzjonijiet tal-assi u tal-interessi tal-persuni fil-ħajja pubblika huma dgħajfin u l-verifika tagħhom fqira, u li l-għodda ta’ sorveljanza huma frammentati u ma jaħdmux sew.

L-OECD tatna pariri konkreti u dettaljati fl-2023. Dawn kienu jinkludu: li jkollna definizzjonjiet legali ċari ta’ x’inhu kunflitt ta’ interess, abbuż ta’ poter, u mġieba ħażina fil-ħajja pubblika; li tissaħħaħ is-sistema tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u tal-interess biex ikunu inklużi interessi ta’ qraba u persuni assoċjati oħra u li dawk id-dikjarazzjonijiet ikunu verifikati b’mod indipendenti; li jiddaħlu kastigi reali meta jkun hemm imġieba mhux etika minflok il-proċeduri simboliċi li għandna llum; u riforma fl-istituzzjonijiet li joqgħodu għassa fuq il-politiċi biex ikunu indipendenti mill-indħil politiku u kapaċi jistħarrġu u jikkastigaw ministri u uffiċjali għolja b’mod effettiv.

L-OECD avżatna li mingħajr dawn ir-riformi, Malta kienet se tibqa’ strutturalment vunnerabbli preċiżament għat-tip ta’ relazzjonijiet imċajpra bejn l-uffiċji pubbliċi u l-interessi kummerċjali privati li dan il-każ kixef.

Minflok il-gvern mar fid-direzzjoni opposta: neħħa l-ħtieġa li l-ministri jiddikjaraw l-assi ta’ żwieġhom, ħeba mill-pubbliku id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri, u ħalla ‘l Malta mingħajr trasparenza propju fiż-żmien fejn ir-riskji ta’ korruzzjoni kienu fl-agħar tagħhom.

Ir-riżultat hu qafas għal kontra l-korruzzjoni mfarrak u li ma jaħdimx. Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni hi permanentament irrilevanti. Il-pulizija tibqa tkaxkar saqajha fejn jidħlu l-politiċi. Il-korpi ta’ sorveljanza neqsin mill-poter u kultant mir-rieda li jaġixxu b’mod deċiżiv. Dawn mhumiex difetti inċidentali: dan hu r-riżultat li nistgħu nobsru tal-għażliet politiċi maħsuba biex tkun garantita l-impunità.

Milli jidher l-FIAU ilha li rat x’kien qed jiġri f’dan il-każ snin ilu. Minkejja dawn ebda istituzzjoni ma ħadet azzjoni. Dan iqajjem mistoqsijiet serji mhux biss dwar l-imġieba ta’ l-individwi f’dan il-każ, imma dwar kemm hemm aktar każijiet injorati, midfuna jew newtralizzati minn sistema li tipproteġi lil min ikun fil-poter.

Tal-anqas, dan il-każ jistabilixxi responsabbiltà politika ċara. Imma hemm bżonn ukoll stħarriġ kriminali sħiħ u indipendanti fl-imġieba ta’ dawk kollha involuti: il-ministru, qrabatu, u l-kuntratturi li gawdew mill-appalti pubbliċi.

Repubblika ttenni l-apprezzament għax-xogħol tat-Times of Malta għall-impenn kontinwu tagħhom għal ġurnaliżmu investigattiv, u ssellem lill-attivisti tas-soċjetà ċivili, partikolarment l-Avukat Jason Azzopardi li ħadem biex il-pubbliku jsir jaf b’dak li kien qed jinħbielu.

Dan il-każ mhux fuq ministru wieħed. Dawn hu każ ta’ pajjiż avżat, fid-dettall u minn qabel, dwar kif kienet se ssir il-korruzzjoni, u li għażel li ma jagħmel xejn biex jevitha.