“Imsejjħin aħna u kull min hu lest li jimxi magħna din it-triq sabiħa, sabiex il-mument ta’ Partit isir mument ta’ pajjiż”.
Kien dan il-messaġġ li wassal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista meta ndirizza lill-kunsilliera preżenti għall-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li sar fil-Gżira Għawdxija. Fejn spjega li din is-sena, il-Partit kif ukoll pajjiżna jinsabu f’mument kruċjali, f’sens qawwi ta’ responsabbiltà politika u ta’ maturità nazzjonali.
Alex Perici Calascione spjega li Malta huwa pajjiż sabiħ, pajjiż li bil-ħiliet tan-nies wasal biex jilħaq quċċati ferm aktar ‘l fuq milli wieħed kien qatt jaħseb li se jilħaq.
Malta, huwa pajjiż li għandu potenzjal kbir f’oqsma u niċeċ ekonomiċi li jikkonċetra fuqhom il-Gvern. Pajjiż illi meta kien immexxi b’viżjoni serja u ta’ veru dejjem laħaq livelli għolja ferm.
Fid-diskors tiegħu, Perici Calascione spjega kif il-poplu Malti u Għawdxi kollu ma jistħoqqlux li biex jara u jgawdi l-progress, iħallas il-prezz inaċċettabbli li joqgħod għal kollox, jew li jikkuntenta bil-ftit meta ħaddiehor ikun qed jistagħna bil-ħafna.
Dan huwa poplu li jixraqlu aħjar, poplu li jixraqlu aħjar bi dritt tenna l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista. U fi kliemu stess, huwa propju għalhekk għandha tinħadem u titmexxa ‘l quddiem il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ tant nies ta’ rieda tajba, esperti u anke professjonisti li qegħdin jersqu ‘l quddiem b’numru li dejjem qiegħed jikber.
Fid-diskors tiegħu, huwa elenka kif sa mill-2013, pajjiżna ilu jisma’ b’mudell ekonomiku ġdid, u bl-aqwa ekonomija fl-Ewropa, fejn spjega li hemm bosta nies fiċ-ċrieki interni tal-Gvern li għalihom hija l-aqwa ekonomija fid-dinja. Iżda għall-maġġoranza dan mhux il-każ.
Alex Perici Calascione spjega li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ta’ Malta u Għawdex fejn il-ġid jilħaq lil kulħadd, u fejn it-tkabbir jinħass minn kulħadd. Fejn il-Gvern tal-pajjiż jassigura żvilupp li jibni l-komunitajiet u mhux jeqridhom, fejn jipprattika is-sussidjarjetà u mhux iġib il-komunitajiet bla saħħa.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega, kif il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista huwa ta’ Gvern li jirrispettak u jaħdem għall-kwalità ta’ ħajja aħjar għalik u għall-għeżież tiegħek. Tmexxija li sservik u mhux li tuża lill-poplu Malti u Għawdxi, li tagħti dinjità lill-familji u mhux iġġibhom dipendenti għal kollox fuqha.
Huwa propju għalhekk, li skont Alex Perici Calascione dan huwa mument importanti li jeħtieġ li tant u tant nies ta’ rieda jagħrfu s-sejħa li jifhmu u japprezzaw kemm hu żmien importanti. Huwa l-mument li n-nies ta’ rieda tajba qegġdin iħossu s-sejħa li jersqu ‘l quddiem.
Fid-diskors tiegħu, huwa spjega li dak li jiġri minn Malta gu Għawdex ta’ għada, la jsir waħdu u wisq anqas jaqa’ mis-sema’ għalhekk kulħadd huwa msejjaħ ikun awtur ewlieni ta’ x’inhu jiġri f’pajjiżna.
Huwa spjega li kulħadd huwa imsejjaħ sabiex iżomm dak li hu tajjeb u li miexi sew, sew iżda jirranġa b’kuraġġ u kompetenza dak kollu li mhux tajjeb.
Alex Perici Calascione spjega li bil-ħatra ta’ Alex Borg bħala Kap, il-Partit Nazzjonalista għamel pass qawwi ‘l quddiem biex il-Partit Nazzjonalista jkollu dan il-mument. Mument li kulħadd huwa msejjaħ sabiex isir mument ta’ pajjiż minn mument ta’ partit.
Dan għaliex flimkien naħdmu flimkien naslu, flimkien niktbu paġna ġdida u friska u ta’ suċċess għal Malta u Għawdex.
//= $special ?>

