F’Beogradska Arena, is-Serbja reġgħu saru champions Ewropej tal-water polo għas-sitt darba fl-istorja. Fil-finali tal-Ħadd filgħaxija, tas-37 edizzjoni tat-turnament kontinentali li jsir kull sentejn, Uroš Stevanović, kowċ tat-tim nazzjonali Serb, mexxa lit-tim tiegħu għal suċċess ieħor bir-rebħ tal-Kampjonat Ewropew.
Fil-finali huma għelbu lill-Ungerija 10-7, bis-Serbja turi saħħa u superjoritá fuq l-avversarji tagħha kemm fid-difiża, b’Milan Glušac kien ħajt b’saħħtu li għamilha diffiċli għall-Ungeriżi biex jinfdu, filwaqt li fl-attakk, spikkaw il-gowl deċiżivi ta’ Dušan Mandić.
Il-partita daħlet fil-fażi deċiżiva lejn it-tmiem tat-tielet sessjoni, meta s-Serbi, b’sensiela ta’ gowls minn Mandić u Vasilije Martinović ħadu vantaġġ ta’ 7-5, filwaqt li Glušac wettaq diversi interventi kruċjali biex iżomm il-vantaġġ tas-Serbja.
L-Ungerija rnexxielha tnaqqas għal 7-6, iżda ma sabitx soluzzjoni għad-difiża Serba li tant kienet organizzata.
Il-bidu tal-aħħar sessjoni kien kollu f’idejn il-goalkeeper tas-Serbja, li għamel interventi importanti u waqqaf kull tentattiv tal-avversarji biex jerġgħu jidħlu fil-logħba.
Mandić kien preċiż mill-penalty għal 8-6, dejjem favur is-Serbi u l-mument deċiżiv tal-finali wasal meta Glušac salva ċans ieħor li l-Ungeriżi setgħu skorjaw, u minn hemm Đorđe Lazić skorja għal 9-6.
Fit-tmiem tal-partita, is-Serbja rnexxielha tiddefendi anke b’żewġ plejers inqas, u Mandić għalaq il-logħba b’gowl għal 10-6 żewġ minuti qabel it-tmiem.
L-Ungerija rnexxielha biss tnaqqas id-distakk qabel it-tmiem, filwaqt li s-Serbja, quddiem il-pubbliku tagħha, ikkonfermat ir-ritorn tagħha fuq it-tron tal-waterpolo Ewropew bħala champions, tmien snin mill-aħħar darba tagħhom li rebħu t-titlu ta’ champions Ewropej tal-water polo.
//= $special ?>

