Lokali

Is-survey tal-MaltaToday juri li kompliet tonqos il-fiduċja f’Robert Abela

L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar mill-MaltaToday juri li fl-aħħar xhur kompliet tonqos il-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela. Dan minkejja li l-magna ta’ Kastilja – minn wara l-Budget – imbarkat f’ġimgħat ta’ propaganda sfaċċata u reklamar sabiex jimbuttaw il-messaġġ tal-Gvern. Iżda jidher li n-nies mhux qed jemmnu dak li qed jingħad mill-Prim Ministru.

Fil-fatt, il-livell ta’ fiduċja fil-Prim Ministru niżel minn 45% għal 41%. Dan filwaqt li l-Kap tal-PN Alex Borg żamm l-istess livell ta’ appoġġ li kellu fl-aħħar survey tal-MaltaToday.

L-istess stħarriġ juri li l-PN qed jirbaħ aktar voti mil-Labour, milli qed jitlef.

Is-survey tal-MaltaToday jagħti stampa ta’ 9,000 bħala differenza ta’ voti bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Dan ifisser ukoll li l-PN għad fadallu aktar xogħol x’jagħmel mal-votanti fix-xhur li ġejjin sabiex ikompli jikkonviċi lin-nies li huwa l-gvern alternattiv – xi ħaġa li Alex Borg, bħala Kap tal-PN, qed jixpruna b’saħħa kbira.