Ir-Rappreżentanti tal-Ukrajna, ir-Russja u l-Istati Uniti, fil-jiem li ġejjin, se jirritornaw fl-Emirati Għarab għal rawnd ieħor ta’ taħditiet intiżi lejn it-tmiem tal-gwerra fl-artijiet Ukreni li ilha għaddejja għal kważi erba’ snin.
Dan wara li ntemmet l-aħħar fażi ta’ taħditiet f’Abu Dhabi bejn id-delegazzjonijiet tal-Ukrajna u r-Russja u li kienet sponsorjata mill-Istati Uniti.
It-taħditiet li jmiss kapaċi jibdew fi tmiem din il-ġimgħa jew anki qabel — u wara li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-aħħar fażi konċentrat fuq ħafna issues relatati mal-konflitt u li fissirhom bħala kostruttivi.
Sadanittant, mijiet tal-eluf ta’ Ukreni qegħdin ibatu minn qtugħ tad-dawl u nuqqas ta’ faċilitajiet li jiġġeneraw is-sħana f’temperaturi li niżlu sew taħt iz-zero.
Dan wara l-aħħar baraxx ta’ drones u missili li l-qawwiet Russi sparaw fuq il-faċilitajiet tal-enerġija – bil-Gvern Ukren jakkuża lil Moska b’li qed jippersisti b’din il-kampanja ta’ terrur fuq il-poplu Ukren anki fiż-żmenijiet għal negozjati.
Mistenni wkoll li l-uffiċjali tal-Istati Uniti, ‘il quddiem, jissieħbu mill-ġdid fit-taħditiet li jmiss bejn in-negozjaturi Ukreni u Russi.
U għalkemm għad fadal l-ostakli kbar, xi osservaturi mhumiex jeskludu għal passi importanti lejn ftehim għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna.
Il-qawwiet Russi, waqt l-aħħar attakki fuq Kiev, Kharkiv u bnadi oħra tal-Ukrajna, sparaw viċin il-500 drone u missila –b’mijiet ikunu newtralizzati mid-difiżi tal-Ukreni.
L-attakki ħallew numru mhux ikkonfermat ta’ ċivili mejtin u midruba, bil-kumpannija ewlenija għall-enerġija UkrEnergo issostni li mat-80 fil-mija tal-Ukrajna qed tkun suġġetta għall-qtugħ kontinwu fil-provvista tad-dawl fost is-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
//= $special ?>

