Lokali

“Malta aħjar jista’ jagħmilha Gvern Nazzjonalista” – Mark Anthony Sammut

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo

“Qed joħroġ ċar aktar minn qatt qabel kemm hemm bżonn ta’ Gvern ġdid, bżonn ta’ Malta ta’ għada li ma tieqafx taspira li tkun aħjar”.

Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut meta fetaħ l-ewwel Kunsill Ġenerali politiku taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg, din id-darba f’Għawdex.

Fid-diskors tiegħu, Mark Anthony Sammut fakkar kif kien propju lura f’April tal-2006, li sar Kunsill Ġenerali f’Għawdex, 20 sena ilu. Fejn spjega illi x-xahar li ġej, il-Partit Nazzjoanlista se jkun qed isejjaħ Konvenzjoni Ġenerali, li kienet wegħda tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sa minn qabel ma nħatar fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Konvenzjoni Nazzjonali se tkun qed tistieden lit-tesserati, in-nies barra mill-Partit, is-soċjeta, korpi kostitwiti, għaqdiet u finalment il-poplu Malti u Għawdxi kollu, sabiex ikunu parteċipi fi proċess li bih ikompli jifforma ruħu l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Mark Anthony Sammut spjega illi dan il-Kunsill Ġenerali huwa propju preludju għal din il-konvenzjoni. Fejn spjega li l-Ħadd quddiem il-Kunsill se jkunu qed jitressqu ħames mozzjonijiet li kienu diskussi fl-Assemblej Reġjonali li saru mill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem.

Fi kliem il-President tal-Kunsill Ġenerali, il-mozzjonijiet qed jiġbru l-valuri u l-prinċipji li fuqhom qed tinbena l-politika tal-Partit Nazzjonalista, u li fuqhom anke se tkun qed tinbena l-Konvenzjoni Nazzjonali.

Il-mozzjonijiet jitkellmu fuq il-kwalita tal-ħajja, u kif il-poplu Malti u Għawdxi għandu jgħix mingħajr ansjeta, b’infrastruttura u trasport effiċjenti, ħin ta’ kwalita mal-familja u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, fost ambjent aħjar, spazji aktar miftuħa u parks għall-familji.

Fost il-ħames mozzjonijiet hemm ukoll diskussjoni dwar ġid li għandu jilħaq lil kulħadd u mhux fejn jistagħnew ftit meta l-maġġoranza jridu jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja.

Mark Anthony Sammut spjega wkoll li l-mozzjonijiet jiddiskutu l-komunitajiet b’saħħithom, f’pajjiż li jiskopri mill-ġdid is-sabiħ li tgħix flimkien, ta’ sens ta’ identita u appartenenza lil komunita li tgħix fiha.

Dan filwaqt li se titressaq anke mozzjoni dwar Gvern li jirrispettak, Gvern li ma jigdibx lill-poplu, li ma jidħakx bih. Fejn fakkar fl-iskandlu tal-ARMS, fejn it-tmexxija tal-ARMS u l-Partit Laburista ilhom tal-inqas sena jafu fi problema fis-sistema li ħalliet eluf ta’ familji jħallsu żejjed fil-kontijiet tagħhom. Skandlu, li l-ARMS ilha taf bih, u li ma tkellimtx fuqu – għajr meta l-Partit Nazzjonalista żvela dan kollu pubblikament.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali spjega li huwa propju minħabba skandli bħalma hu tal-ARMS, li qed joħroġ aktar ċar kemm huwa bżonn li jinbidel il-Gvern. Li Malta jkollha Gvern serju, li jaħseb fil-ġid komuni u mhux fl-interessi u l-but tiegħu biss.

Għalhekk, l-aħħar mozzjoni mressqa quddiem dan il-Kunsill hija dik li titkellem fuq Malta ta’ għada, li jkollha Gvern li jippjana fit-tul, li jaħseb f’uliedha u l-ġenerazzjonijiet li tilgħin.

Gvern li jaħseb fl-edukazzjoni li – fi kliemu stess – qatt ma jiftakrha fl-istat li qiegħda llum il-ġurnata. Gvern li jħalli lil Malta ta’ għada li ma tieqafx taspira li tkun dejjem aħjar.

Mark Anthony Sammut qal li din żgur mhux se tkun qed issir mill-Gvern preżenti, Gvern Laburista li għejja u li hu mifni bi skandli wieħed akbar mill-ieħor.

Huwa kompla billi ddikjara li Malta aħjar jista jagħmilha Gvern ġdid Nazzjonalista, u għalkemm it-triq tibqa’ għat-tela’, għalkemm il-Partit Nazzjonalista huwa l-undergod, in-numri tas-sondaġġ li ġie ppubblikat il-Ħadd juri li din saret possibbli.

Dan hu l-mument li Malta jkollha Gvern immexxi minn Prim Ministru li ma jibżax, mimli enerġija, mhux kompromess imma li jemmen fil-poplu Malti u Għawdxi.

Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg, li fih ħafna Maltin u Għawdxin qed jaraw tama ġdida, tama li għada jista’ jkun ħafna aħjar mil-lum.