Lokali

“Malta ’l Quddiem” – Il-Kap tal-PN Alex Borg jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex

Irridu nkunu Gvern li jirrispetta, jisma’ u jmexxi lill-pajjiż ’il quddiem b’tama u dinjità – il-Kap tal-PN Alex Borg

Irridu nagħtu ħolma ġdida lill-poplu Malti u Għawdxi, u mill-gvern irridu nwettqu dik il-ħolma.

Fid-diskors li bih għalaq il-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema Dan Hu l-Mument fil-Grand Hotel f’Għajnsielem Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-poplu qed ifittex lil min jista’ jerġa’ jagħtih it-tama, u l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta alternattiva ċara mibnija fuq ir-realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista qed jiffoka fuq it-temi li ġew ippreżentati fil-Mozzjonijiet imressqa waqt dan il-Kunsill Ġenerali, jiġifieri l-kwalità tal-ħajja, tkabbir ekonomiku ġust, komunitajiet b’saħħithom, gvern li jirrispetta liċ-ċittadin u ppjanar fit-tul għall-futur tal-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà ma’ dawk li ntlaqtu mill-maltemp, b’mod partikolari l-Għawdxin li sabu ruħhom imwaħħlin għal sigħat sħaħ bejn iż-żewġ gżejjer, u rringrazzja lill-ħaddiema tas-servizzi tal-emerġenza, lill-Gozo Channel u lill-għalliema li komplew jaqdu dmirijiethom minkejja l-kundizzjonijiet diffiċli. Alex Borg qal li dak li rajna fl-aħħar ġranet u l-ħsarat ripetuti komplew jikxfu n-nuqqas serju ta’ prevenzjoni u titjib fl-infrastruttura, u fakkar li l-breakwater ta’ Marsalforn, imwiegħed snin ilu, għadu sal-lum ma sarx.

Dwar il-governanza, Alex Borg qal li l-Gvern qed imexxi b’mentalità ta’ skużi u management by crisis minflok b’viżjoni u ppjanar. Huwa sostna li l-problemi fil-Gozo Channel, il-kriżi tal-housing u r-riżenja tal-eks Ministru Roderick Galdes huma kollha sintomi ta’ Gvern li qed jonqos mir-responsabbiltajiet tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-riżenja fl-aħħar sigħat ta’ Ministru ieħor tal-Gvern turi kif ir-raġuni ma tridx forza. Hu sostna li Roderick Galdes kellu jirriżenja ġimgħat ilu, iżda baqa’ hemm sa lejliet ma kellhom joħorġu aktar dettalji xokkanti dwaru. Alex Borg qal li l-poplu jistenna maturità politika mill-politiċi li jmexxu l-pajjiż u mhux politiċi li jibqgħu jippruvaw jaħarbu mir-responsabbiltajiet tagħhom.

Alex Borg tkellem ukoll dwar it-taħwid fl-ARMS, fejn eluf ta’ familji ħarġulhom kontijiet mingħajr l-Eko-riduzzjoni – problema li l-ARMS kienet taf dwarha iżda li nħbiet sakemm ġiet żvelata mill-Oppożizzjoni. Huwa sostna li meta l-ħatriet isiru fuq il-bażi tal-kulur politiku u mhux tal-mertu, jinħolqu inġustizzji, frejjeġ u nuqqas ta’ kontabbiltà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Malta teħtieġ bidla serja fil-politika –  bidla li terġa’ tpoġġi l-kwalità tal-ħajja bħala l-kejl ewlieni tal-progress, u mhux tkun sempliċi slogan. Huwa fakkar li skont rapport li ħareġ dan l-aħħar, il-Maltin huma t-tieni l-aktar poplu fl-Unjoni Ewropea li jonfoq flus fuq mediċini, minkejja pagi u pensjonijiet ferm aktar baxxi minn dawk Ewropej. Din is-sitwazzjoni qed titfa’ piżijiet dejjem akbar fuq il-familji u l-anzjani u llum hija riżultat ta’ taxxi moħbija li daħħal il-Gvern ta’ Robert Abela.

Alex Borg irrefera għall-istħarriġ ippubblikat dalgħodu u qal li anke jekk il-Partit Nazzjonalista m’għadux il-Partit b’40,000 vot minn taħt, għad fadal ħafna toroq fejn irridu nduru, ħafna djar li rridu nżuru, ħafna xogħol li għad irid isir, għax sal-lum il-Partit Nazzjonalista għadu l-underdog. Hu qal li madanakollu l-istħarriġ qed juri wkoll li aktar nies qed jaraw tama fil-Partit Nazzjonalista.

Alex Borg qal li t-tama tal-Partit Nazzjonalista qiegħda fil-fatt li minkejja li m’għandux żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni u m’għandux il-power of incumbency li għandu l-Gvern, għandu xi ħaġa ferm aktar importanti – is-saħħa tan-nies.

Min irid Malta aħjar jista’ jkun parti mill-bidla – il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal li Malta u Għawdex jinsabu f’mument kruċjali li jitlob sens qawwi ta’ responsabbiltà politika u maturità nazzjonali, hekk kif id-deċiżjonijiet li se jittieħdu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jiddeterminaw il-pajjiż li se ngħixu fih u li se nħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Alex Perici Calascione sostna li dan hu mument li jrid inqas għajjat u aktar ħsieb u azzjoni biex titfassal politika li ssostni lill-familji, ħaddiema u negozji li qed jitħabtu mal-għoli tal-ħajja. Politika li tista’ tittratta problemil li qed niffajjċaw bħat-traffiku bla kontroll, l-ambjent mhedded u d-dejn pubbliku rekord. Hu qal li llum qed inħallsu prezz qares għall-mudell ekonomiku li ddaħħal bla ħsieb wara l-2013 u li bbaża esklużivament fuq iż-żieda fil-popolazzjoni. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista kkritika l-kultura ta’ privileġġi, ħatriet politiċi u nuqqas ta’ kontabbiltà, u saħaq li l-poplu Malti u Għawdxi jistħoqqlu aħjar.

Hu qal li kull min irid jara Malta u Għawdex aħjar jista’ jkun parti minn din il-bidla tant mixtieqa, biex dan il-mument ta’ partit, fil-ħin opportun jissarraf f’mument ta’ pajjiż.

Alex Borg jaf fejn irid iwassal lil pajjiżna fis-snin li ġejjin – is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello

Għall-interventi tal-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali għamel ir-replika tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, li qal li l-Kunsill Ġenerali f’Għawdex ikkonferma l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Malta u Għawdex aħjar, mibnija fuq proposti konkreti u politika li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru.

Huwa kkritika lill-Gvern li, minkejja ħafna wegħdiet, naqas milli jwettaq kemm f’Għawdex kif ukoll fuq livell nazzjonali, u fakkar f’serje ta’ wegħdiet mhux miżmuma f’Għawdex, fosthom l-isptar ġdid li ma wasal qatt, l-investiment fil-konnettività li ssarraf fl-infiq ta’ miljuni għall-kiri ta’ vapur żdingat, il-Qorti ġdida li sa issa baqgħet fuq il-karta, it-toroq li baqgħu qatt ma saru u s-servizzi essenzjali li kienu mwiegħda u wkoll baqgħu fl-arja.

Huwa sostna li ħafna mis-servizzi soċjali li llum il-Gvern jiftaħar bihom, b’mod partikolari dawk għall-anzjani, iddaħħlu minn Gvernijiet Nazzjonalisti, filwaqt li l-Gvern Laburista falla milli joħloq servizzi ġodda jew industriji ta’ kwalità f’aktar minn 13-il sena. Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li Alex Borg qed joffri alternattiva kredibbli u din l-alternattiva hija Alex Borg, li qed jifhem ir-realtajiet tan-nies, b’livell dejjem jikber ta’ fiduċja mill-pubbliku. Huwa qal li Alex Borg jaf fejn irid iwassal lill-pajjiż fis-snin li ġejjin, u appella għall-għaqda, l-impenn u d-determinazzjoni minn dawk kollha li qed jaħdmu id f’id mal-Partit Nazzjonalista sabiex il-messaġġ ta’ tama, rispett u governanza aħjar jasal għand kull Malti u Għawdxi.

Waqt il-Kunsill Ġenerali għamlu wkoll l-interventi tagħhom id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Eve Borg Bonello, Stanley Zammit, Rebekah Borg, Darren Carabott u Beppe Fenech Adami, kif ukoll is-Segretarju Internazzjonali tal-PN u kandidat għall-elezzjoni ġenerali Beppe Galea, is-Segretarja tal-MŻPN Nicole Portelli, is-Sindku tas-Siġġiewi u kandidat Julian Borg, u l-kandidati Oliver Cini, Frank Anthony Tabone, Luke Said u Norma Camilleri – kollha membri tal-Kunsill Ġenerali.

Qabel id-diskorsi tal-membri tal-Kunsill Ġenerali ġew ippreżentati wkoll il-Mozzjonijiet u nqraw ir-rapporti tal-Assemblej Reġjonali li saru fil-ġimgħa ta’ qabel u li matulhom ġew diskussi dawn il-Mozzjonijiet fir-reġjuni rispettivi. Dawn il-Mozzjonijiet tressqu quddiem il-Kunsill Ġenerali u ġew approvati. Ir-rapporteurs tal-Assemblej kienu Ramona Muscat għall-Ewwel Reġjun li ressqet il-Mozzjoni Malta kif nafuha – Malta li tgħix sew fiha, Ryan Cachia għat-Tieni Reġjun bil-Mozzjoni Malta lesta għal għada, Lara Agius għat-Tielet Reġjun li ressqet il-Mozzjoni Komunitajiet b’saħħithom, Jean Paul Barbara għar-Raba’ Reġjun bil-mozzjoni Tmexxija li sservik, mhux tużak, u Kevin Cauchi għar-Reġjun ta’ Għawdex li ressaq il-Mozzjoni Ġid li tassew jilħaq lil kulħadd.

Il-Kunsill Ġenerali tmexxa mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, li fid-diskors tiegħu qal li l-Partit Nazzjonalista llum laqqa’ s-sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali Politiku Dan hu l-Mument f’Għawdex, għall-ewwel darba f’20 sena, u għall-ewwel darba taħt it-tmexxija tal-Kap tal-Partit Alex Borg. Mark Anthony Sammut qal li l-Kunsill sar bħala preludju għall-Konvenzjoni Ġenerali li se ssir ix-xahar li ġej, li se tinvolvi tesserati u s-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-viżjoni tal-PN għal Malta u Għawdex aħjar.