Proġetti ta’ 2 miljun ewro f’xogħolijiet ta’ housing soċjali, ingħataw lil kumpanija li s-sid tagħha huwa assoċjat sew ta’ Malcolm Galdes – li jiġi ħu Roderick Galdes.
Analiżi mill-FIAU u minn korp kontra t-tixħim tal-flus li tmur lura għall-2021, indikaw illi proġetti li jammontaw għal miljuni kbar ta’ ewro, u li kienu xogħolijiet fil-housing soċjali – cioè jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà ta’ Roderick Galdes, ingħataw lil LAM Projects.
Kumpanija, li s-sid tagħha huwa Taljan u li huwa negozjant qarib ta’ ħu Galdes, Malcolm Galdes, tant li anke għandhom numru ta’ deals ta’ business flimkien.
Dan kollu ġie żvelat mit-Times of Malta, li spjegat li LAM Projects, bdiet lura fl-2018, bl-FIAU tispjega li din il-kumpanija ngħatat kuntratt, mill-kumpanija Bonniċi Brothers, li hija l-kumpanija oriġinali li ħadet il-proġetti tas-Siġġiewi u l-Msida f’idejha.
Dan minkejja li l-kumpanija tan-negozjant u business partner ta’ Malcolm Galdes – ma kellha l-ebda esperejnza f’dan il-qasam.
It-Times spjegat li minkejja li Malcolm Galdes mhux shareholder fil-kumpanija LAM Projects, l-FIAU ddeskriviet lil Malcolm Galdes bħala “ħabib tan-negozji qrib” tat-Taljan Lorenzo di Pinto.
Numru ta’ dokumenti juru li ħu Roderick Galdes, kien ħabib fin-negozju ma’ di Pinto f’numru ta’ negozjati oħra, inkluż anke f’kumpanija tal-kostruzzjoni Malta Luxury Construction Limited u anke kumpanija tat-telephones, fl-istess indirizz li kumbinjazzjoni hija rreġistrata LAM Projects.
L-FIAU anke indikat numru ta’ pagamenti fi flus kontanti li marru f’kontijiet li huma kkontrollati minn Malcolm Galdes.
It-Times spjegat li Di Pino uffiċjalment irtira bħala shareholder mill-kumpanija lura f’Mejju tal-2020, iżda l-FIAU sabet li kellu kontroll finanzjarju fuq il-kumpanija sa minn tal-inqas Novembru ta’ dik is-sena. Il-kumpanija falliet milli tippublika l-kontijiet finanzjarji tagħha sa mill-2018.
In-negozjati bejn Bonnici Brothers u LAM Projects fallew wara li l-kumpanija Bonnici Brothers fittxet fil-Qorti lil LAM Projects talli allegatament ma wettqitx xogħolha fil-housing soċjali. Xogħol li jammonta għal €450,000 u li huma kienu diġa’ tħallsu għalih, fost anke xogħolijiet oħra.
Kelliem għal Roderick Galdes qed jiċħad kull tip ta’ ħażin li qed jiġi implikat fih.
Id-deal
Dokumenti tal-Qorti f’idejn it-Times jikkonfermaw kif LAM Projects kienu wettqu xogħolijiet fuq żewġ proġetti ta’ kostruzzjoni minn 84 proġett tal-housing soċjali fis-Siġġiewi u 102 appartament fl-Msida.
Il-kuntratti ta’ dawn ix-xogħolijiet ingħataw mill-Malita Investments lil Amici Projects, li tagħha l-kumpnaija Bonnici Brothers hija s-sid.
Bonnici Brothers mbagħad, ta l-kuntratti tal-housing fl-2019 lil LAM Projects, kumpanija li tagħha huwa s-sid u negozjant ħabib ta’ ħu Roderick Galdes.
Dan, qajjem numru ta’ mistoqsijiet fl-FIAU, dwar ir-raġunijiet għalfejn kumpanija bħalma hi Bonnici Brothers, innegozjat ma’ kumpanija – LAM Projects, li kienet għadha fil-bidu tagħha u li ma kellha l-ebda esperjenza f’Malta sabiex twettaq dawn ix-xogħolijiet fil-housing.
Filfatt, il-kumpanija LAM Projects ma wettqitx ix-xogħolijiet li għalihom tħallset kważi nofs miljun ewro. Bil-kuntratti ffirmati miż-żewġ partijiet, u cioè Bonnici Brothers u LAM Projects luta f’Jannar u Awwissu ta’ 2019 jixhdu dan.
Ir-riżenja ta’ Galdes
Din l-istorja tiġi propju ġurnata wara r-reżenja tal-Ministru Roderick Galdes, fejn f’ittra li bagħat lill-Prim Ministru Abela huwa ddikjara li qed jiġi attakkat, flimkien mal-familja tiegħu.
Għalhekk ħass li kellu jirreżenja mill-kariga tiegħu ta’ Ministru.
Fejn iddikjara li huwa dejjem ġab l-interess tal-Partit Laburista qabel kollox, filwaqt li fl-ebda ħin ma għamel referenza għall-pajjiżna, u l-interess li kellu jkollu għall-pajjiżna.
Galdes, ilu għal dawn l-aħħar xhur jiddomina l-midja f’pajjiżna. Minn akkużi serji dwar konnessjonijiet ma; kuntratturi ewlenin f’pajjiżna, akkużi li ġew mill-qalba tal-Labour stess, sa faċċata li ċediet fil-Birgu u li hu kien mgħarraf biha snin ilu.
Roderick Galdes, anke ngħata duplex penthouse, bl-ispazju tal-arja u garaxx għall-prezz ta’ €140,000, minn kuntratturi li kellhom numru ta’ proġetti tal-housing.
Madanakollu, is-sejħiet għar-reżenja ta’ Galdes ilhom xhur, iżda kien biss lejliet ta’ skandlu ieħor li huwa implikat fih ħuħ, li kellu jċedi u jirreżenja, bil-Prim Ministru Robert Abela jkun kostrett jaċċetta din ir-reżenja wara xhur joħroġ għonqu għalih waħdu.

Il-housing tas-Siġġiewi
L-iskandli li jduru mal-housing fis-Siġġiewi u Roderick Galdes imorru lura għall-2024 fi żmien l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna.
Dan meta l-Qorti f’pajjiżna ikkonfermat kif eletturi ġew manipulati biex il-vot tagħhom jinqaleb fuq il-housing tas-Siġġiewi meta dan ma setax isir għaliex il-binja ma kinitx għadha abitabbli.
Dan l-iskandlu orġinarjament kien żvelat mill-Partit Nazzjonalista. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fid-deċiżjoni tagħha spjegat li l-eletturi kienu mqanqla jagħmlu dikjarazzjoni falza minn korpi governattivi.
Fejn fl-istess deċiżjoni spjegat li huwa tal-iskantament kif l-eletturi ġew manipulati u sfruttati propju minn min kellu l-interess u l-benesseri tagħhom.
Il-binja tas-Siġġiewi mhux biss kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Roderick Galdes imma anke fid-distrett elettorali li hu kien jikkontesta fl-elezzjoni ġenerali.
Madanakollu, il-Partit Laburista tilef il-Kunsill tas-Siġġiewi sabiex il-Partit Nazzjonalista ħa t-tmexxija ta’ din il-lokalità f’idejh.



