Opinjoni

OPINJONI: Dan hu l-mument

Bit-tema ‘dan hu l-mument’ il-PN dalgħodu f’Għawdex se jkun qed ilaqqa’ l-Kunsill Ġenerali Poltiku tiegħu... appuntament ferm importanti

Charles Bonello
Is-Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista

‘Dan hu l-Mument’ hija t-tema ta’ dan il-Kunsill Ġenerali mill-aktar importanti u sinifikattiv li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed ilaqqa’ dalgħodu f’Għawdex. Kunsill Ġenerali li se jkun jinkludi għadd ta’ interventi, id-diskors tiegħi ta’ replika, id-diskors tal-Viċi Kap Alex Perici Calascione u mbagħad jingħalaq bid-diskors tal-Kap Nazzjonalista Alex Borg.
L-importanza ta’ dan il-Kunsill Ġenerali hi wkoll fil-probabbiltà li dan jista’ jkun ukoll l-aħħar Kunsill Ġenerali ta’ natura politika li l-Partit se jkun qiegħed ilaqqa’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali tiġi meta tiġi.
Dan il-Kunsill Ġenerali suppost li sar f’Ottubru/f’Novembru li għadda iżda minħabba l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN, dan il-Kunsill Ġenerali kellu jkun pospost għall-bidu ta’ din is-sena.
Għalhekk jista’ jkun li dan hu l-aħħar Kunsill Ġenerali Politiku għalkemm jista’ jagħti l-każ li l-PN ilaqqa’ Kunsill Ġenerali Politiku ieħor f’Ottubru/f’Novembru ta’ din is-sena biex hekk dan il-Kunsill Ġenerali Politiku jkun qisu sar lejn tmiem is-sena l-oħra.
F’dan il-Kunsill Ġenerali Politiku se tkun qed tiġi analizzata l-qagħda politika f’Malta u għalhekk se jitressqu quddiemu ħames mozzjonijiet importanti li jitkellmu dwar:

Malta kif nafuha – Malta li tgħix sew fiha
Il-ħajja ta’ kuljum tan-nies l-ewwel ħsieb tagħna fejn il-Kunsill se jkun qed jisħaq li l-kwalità tal-ħajja trid tkun il-kejl ewlieni tal-progress ta’ pajjiżna u l-punt tat-tluq ta’ kull politika għan-nies. L-iżvilupp ekonomku, l-ippjanar tal-art, it-trasport, kif jittaffew il-pressjonijiet tt-tkabbir tal-popolazzjoni u s-servizzi essenzjali għandhom ikunu mmexxija b’mod koerenti u bilanċjat biex itejbu b’mod tanġibbli l-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Dan ifisser ambjent aktar organizzat, inqas konġestjoni u stress, aktar ħin ta’ kwalità mal-familja, u komunitajiet li fihom in-nies iħossuhom komdi jgħixu, jaħdmu u jistrieħu.
Dan il-Kunsill Ġenerali jemmen li Malta trid terġa’ ssir pajjiż li joffri spazju, trankwillità u sens ta’ stabbilità, fejn l-ambjent naturali u urban jiġi protett u mtejjeb bħala parti integrali mill-ġid komuni.
Il-politika trid terġa’ tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru mhux biss bħala ħaddiem jew konsumatur, imma bħala ċittadin bid-dritt għal ħajja bilanċjata, sigura u ta’ kwalità.
Malta ’l quddiem tfisser pajjiż li fih in-nies iħossuhom rispettati, protetti u kburin bil-mod kif qed ngħixu fiha.

Ġid li tassew jilħaq u jinqasam fost kulħadd
Dan il-Kunsill Ġenerali jiddikjara li t-tkabbir ekonomiku għandu jkun mezz u mhux għan fih innifsu għall-ġid komuni tal-poplu kollu. Ekonomija b’saħħitha hi waħda li toħloq ġid reali u li dan il-ġid jasal għand il-familji, il-ħaddiema, l-anzjani u ż-żgħażagħ kollha, u li jsaħħaħ is-sigurtà finanzjarja tan-nies fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom.
Il-politika ekonomika trid tgħin lin-nies ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, tipproteġi l-pagi u l-poter tax-xiri, u toħloq opportunitajiet ġodda bażati fuq il-produttività, il-ħiliet u l-innovazzjoni.
Dan jinkludi sostenn serju lin-negozjati żgħar u medji, investiment responsabbli li jħares lejn il-kwalità u mhux biss lejn il-kwantità, u qafas ekonomiku li jippremja x-xogħol u l-impenn.
Il-Kunsill Ġenerali jemmen li l-ġid nazzjonali għandu jinħass fil-ħajja tan-nies, fid-djar, fix-xogħo lu fil-futur li jkunu jistgħu jippjanaw b’kunfidenza.
Malta ’l quddiem tfisser ekonomija li taħdem għan-nies u mhux in-nies li jaħdmu biss biex isostnu sistema.

Komunitajiet b’saħħithom
Dan il-Kunsill Ġenerali jafferma li komunitajiet b’saħħithom huma l-pedament ta’ soċjetà u nazzjon b’saħħtu. L-iżvilupp ekonomiku, urban u infrastrutturali għandu jsir b’mod li jsaħħaħ il-ħajja komunitarja, jirrispetta l-karattru tal-lokalitajiet u jżomm bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-lum u d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-politika trid tkun imfassla biex is-servizzi, ix-xogħol u l-ispazji pubbliċi jaqdu lin-nies fejn jgħixu, u biex il-pressjoni fuq il-komunitajiet tkun ġestita b’mod ġust u responsabbli.
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jkun strument ċentrali ta’ politika matura, politika li taf tqassam il-poter, tinvolvi lill-komunitajiet fid-deċiżjonijiet u temmen li l-aħjar soluzzjonijiet ħafna drabi jitwieldu mill-qrib tan-nies infushom.
Dan jitlob infurzar ġust u konsistenti tar-regoli, ippjanar li jirrispetta n-nies u l-ambjent tagħhom, u servizzi pubbliċi li jlaħħqu mar-realtà tad-domanda.
Komunitajiet b’saħħithom joħolqu sens ta’ appartenenza, sigurtà u solidarjetà – u huma l-bażi ta’ Malta li tħaes ’il quddiem flimkien
.
Gvern li jirrispettak
Il-Kunsill Ġenerali jafferma b’mod ċar li l-Istat jeżisti biex jaqdi liċ-ċittadin u mhux bil-maqlub. Il-governanza u kif jitmexxa l-pajjiż trid tkun mibnija fuq ir-rispett lejn il-persua, it-trasparenza fil-proċessi, il-kontabbiltà fid-deċiżjonijiet u l-ugwaljanza quddiem il-liġi fid-dritt u fil-fatt.
Il-Kunsill Ġenerali jemmen li gvern serju jieħu d-deċiżjonijiet b’mod mftuħ, jispjega l-għażliet tiegħu, jinvolvi lin-nies u jżomm kont ta’ dakli jagħmel. Ir-regoli għandhom japplikaw b’mod ugwali għal kulħadd, u l-istituzzjonijiet għandhom ikunu indipendenti, professjonali u effiċjenti, biex iċ-ċittadin ikun jista’ jafda fihom mingħajr biża’ jew dubju.
Fuq kollox, kull persuna għandha ssib fl-Istat sostenn reali biex tgħix b’mod dinjituż, speċjalment fi żminijiet ta’ sfida jew vulnerabbiltà. Gvern li jirrispetta lin-nies hu gvern li jisma’, jaħdem bil-fatti u jmexxi b’sens ta’ servizz u responsabbiltà.
Dan hu l-pedmament ta’ Malta ’l quddiem.

Malta lesta għal għada
Il-Kunsill Ġenerali jħares ’il quddiem u jisħaq il-ħtieġa ta’ viżjoni fit-tul għal pajjiżna, mibnija fuq ippjanar serju, kollaborazzjoni wiesa’ u sens ta’ kontinwità. Malta trid tkun lesta għall-isfidi tal-futur billi tinvesti b’mod għaqli fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fiż-żgħażagħ, fl-anzjani, fil-kultura u fl-identità tagħna.
Il-bidliet ekonomiċi, soċjali, demografiċi u ambjentali li qed ngħixu jridu jiġu indirizzati b’mod proattiv u responsabbli, biex il-progress ikun sostenibbli u inklussiv. Dan il-Kunsill jemmen li futur b’saħħtu jinbena meta l-politika toħloq stabbiltà, tħeġġeġ l-innovazzjoni u tippjana b’mod realistiku, mingħajr ma titlef il-valuri u l-karattru ta’ pajjiżna.
Malta ’l quddiem tfisser pajjiż li jaf fejn irid jasal, li jinvolvi lin-nies fit-triq lejn fejn irridu mmorru flimkien ’il quddiem, u li jibni fiduċja fil-futur permezz ta’ tmexxija għaqlija, ottimista u li lesta twettaq.
Fid-dawl ta’ dawn il-ħames mozzjonijiet għandha tinħoloq diskussjoni interessanti u li tkun tixpruna għall-futur ta’ pajjiżna. Fil-jiem li għaddew kelli l-opportunità li nattendi għal-laqgħat reġjonali għaliex huma r-Reġjuni li se jkunu qed iressqu dawn il-mozzjonijiet. Kienu laqgħat tassew interessanti b’diskussjonijiet maturi, validi u mill-aktar attwali li fihom ħadu sehem u pparteċipaw persuni minn setturi u faxex differenti tas-soċjetà.

Tmexxija serja u akkontabbli
Kollox b’għan wieħed… dik li kif inkunu fil-Gvern nassiguraw li mmexxu lill-pajjiż fl-aħjar interess veru tal-poplu Malti u Għawdxi. Għalhekk moħbija wara dawn il-mozzjonijiet hemm moħbija diskussjonijiet ħajja, mill-aktar imqanqlin u motivati li finalment taw lill-Partit perspettivi differenti bażati fuq il-prinċipju ta’ x’lest joffri l-Partit għall-ġid ta’ pajjiżna.
Dan kollu jwassal ukoll biex ikompli jitfassal u jinħema l-Programm Elettorali biex aħna jkollna l-aqwa prodott x’nippreżentaw lill-elettorat. Programm Elettorali li jrid iwassal lin-nies biex jikkonvinċu lilhom infushom biex jivvutaw lill-PN għall-aħjar ġid ta’ pajjiżna.
Aħna rridu naħdmu għall-pajjiż, imma rridu nassiguraw ukoll li l-individwu – hu min hu – ikun qed jgħix tajjeb.

Jissokta t-tfassil tal-Programm Elettorali
Dwar it-tfassil tal-Programm Elettorali rrid ngħid li qed jissoktaw il-laqgħat ta’ fokus groups bil-parteċipazzjoni ta’ diversi faxex ta’ nies li jridu jagħtu kontribut għaliex iħobbu lil Malta.
Sadattant għaddejjin ukoll bl-għażla tal-kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali u nispera li fil-futur qrib inkunu qed nintroduċu lista oħra ta’ kandidati ġodda.
Il-PN hu ppreparat għall-Elezzjoni Ġenerali. Tiġi meta tiġi. Aħna qed naħdmu biex darba l-Prim Ministru jsejjaħ l-Elezzjoni, allura aħna nkunu pronti għat-tellieqa. Dan l-aħħar il-Prim Ministru għamel attakk qawwi fuq il-PN. Dan l-attakk lilna jqawwina għax aktar ma jattakkawna, aktar nissaħħu.

Tama – Kuraġġ – Persważjoni
Fl-isfond ta’ kollox dalgħodu waqt id-diskors tiegħi se nkun qed inwassal diskors ta’ tama u kuraġġ. Messaġġ ta’ determinazzjoni u biex ikunu xi jkunu l-problemi, aħna nibqgħu iffukati fuq il-ħidma li rridu nwettqu.
Meta xi ħadd jattakkana jkun ifisser biss li aħna qed nagħmlu biċċa xogħol tajba. Il-persważjoni trid tkun l-arma li twassalna għar-rebħa elettorali.
Pajjiżna qiegħed isejħilna għax għandu bżonn tmexxija ġdida u nifraħ tassew jekk nirbħu l-Elezzjoni Ġenerali u mill-ġdid inkunu fil-Gvern, iżda dik tagħtina responsabbiltajiet u piż kbir proprju għaliex is-sodisfazzjoni tal-Partit hu irrilevanti fejn il-bżonn tal-pajjż.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25 ta’ Jannar, 2026.