Snin ilu Robert Abela wiegħed l-impenn tiegħu għall-housing f’pajjiżna, iżda minkejja dan, issa ħa d-deċiżjoni li jixħet il-housing taħt Segretarjat minflok jalloka ministeru għalih – kif kien sa jiem ilu.
Wara li Roderick Galdes inħakem minn numru ta’ skandli fl-aħħar xhur u wara l-pressjoni li saritlu kien kostrett jixħet ir-reżenja tiegħu minn Ministru, reżenja li l-Prim Ministru kellu jaċċetta.
F’refernza li għamel għar-reżenja tal-Ministru tiegħu, u li għaliha alloka biss ftit sekondi minn aktar minn siegħa ta’ diskussjoni politika, il-Prim Ministru pprova jfarfar mill-iskandli li ħakmuh u ftaħar, b’dawk li skont hu kienu riformi kbar li saru fis-settur tal-housing taħt it-tmexxija ta’ Roderick Galdes.
Waqt dawn il-ftit sekondi, il-Prim Ministru ħabbar li r-responsabbiltà tal-housing f’pajjiżna mhux se jkollha ministeru ddedikat għaliha, imma se tkun qed taqa’ taħt Segretarjat li hu mmexxi minn Andy Ellul u li jinkludi d-djalogu soċjali.
Madanakollu, Andy Ellul issa mistenni li mhux biss isolvi l-problemi kollha li ħoloq il-kollega tiegħu Galdes, imma anke jassumi responsabbiltà ta’ settur importanti bħalma hu tal-housing – taħt il-kappa ta’ Segretarju Parlamentari.
Fl-aħħar xhur, Roderick Galdes sab ruħu fil-midja wara allegazzjonijiet serji minn ħdan il-Partit Laburista stess, dan hekk kif l-Eks MEP Laburista Marlene Mizzi allegat li hu kellu relazzjonijiet qrib wisq ma’ nurmu ta’ kuntratturi ewlenin f’pajjiżna… l-istess kuntratturi li mingħandhom akkwista duplex penthouse, bl-ispazju tal-arja u garaxx għal €140,000.
Madanakollu, fl-aħħar ġimgħat anke sar magħruf li kemm Galdes u l-Prim Ministru Abela kienu mgħarrfa li binja fil-Birgu kienet ta’ periklu serjia għar-residenti, iżda kemm Galdes u anke Abela ma ħadux azzjoni dwar dan… tant li l-faċċata ta’ din il-binja ċediet fl-aħħar ġimgħa tas-sena li għaddiet.
L-aħħar skandlu li wasal propju ġurnata wara r-riżenja ta’ Galdes kien dak li fih anke huwa implikat ħuh – Malcolm Galdes. Fejn il-midja żvelat illi business partner Taljan ta’ Malcolm Galdes ingħata kuntratt ta’ kważi nofs miljun ewro għal xogħlijiet fil-housing tas-Siggiewi u l-Imsida. Kuntratt li l-kumpanija tat-Taljan, LAM Projects tħallset għalih, bix-xogħlijiet spiċċaw ma twettqu qatt.
U minkejja din il-lista twila ta’ skandli, Robert Abela fil-ftit sekondi li indirizza r-riżenja tal-Ministru tiegħu ddikjara li l-allegazzjonijiet huma infondati, u kompla joħroġ għonqu għall-Eks Ministru Roderick Galdes.
//= $special ?>

