Internazzjonali

Stati uniti: Ferment u biża’ wara t-tieni qtil taħt idejn l-ICE

It-tieni vitma tal-ICE, Alex Pretti ta’ 37 sena, kien infermier li jispeċjalizza fil-qasam tal-kura intensiva… Hu inqatel wara li l-aġenti tal-ICE qabżu fuqu waqt li kien qed jiġbed filmat f’ħin meta l-istess aġenti kienu jaggredixxu mara fl-inħawi…Sekondi biss wara, l-infermier spiċċa jaqla’ tiri fatali waqt li kien mimdud mal-art waqt li mdawwar b’sitt aġenti.

Fil-preżent, l-Uffiċjali tal-Istat ta’ Minnesota u l-Awtoritajiet Federali tal-Istati Uniti qed jippreżentaw rapporti konfliġġenti dwar il-minuti qabel il-qtil ta’ Pretti….Qtil li seħħ anqas minn tlett ġimgħat wara li mara bl-isem ta’ Renee Good inqatlet minn tiri sparati lejha minn aġent tal-ICE waqt li hi kienet qed issuq il-karozza minn qribu…Inċident li wkoll seħħ fil-belt ta’ Minneapolis.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Amerikan responsabbli mill-Homeland Security, Kristi Noem, qalet li l-aġenti tal-ICE sparaw fuq Pretti biex jiddefendu ruħhom fiċ-ċirkustanzi. Hi qalet li l-vittma kien irreaġġixxa b’mod vjolenti, filwaqt li Stephen Miller, il-Konsulent Ewlieni tal-President Amerikan Donald Trump, fissser lil Pretti bħala terrorista domestiku.

Intant, il-poplu f’Minnesota qed jipprotesta fit-toroq u permezz tal- messaġġi fuq il-media soċjali — fost l-espressjonijiet kontinwi ta’ għadab dwar il-qtil bla sens tal-infermier. Dan waqt li l-Gvernatur ta’ Minnesota, Tim Walz, qal li l-versjoni tal-awtoritajiet federali dwar l-inċident f’Minneapolis hi mibnija biss fuq il-qerq u l-gideb.

Il-każ qajjem ukoll ferment fis-Senat, fejn is-senatur Repubblikan, Bill Cassidy, sejjaħ għal investigazzjoni sħiħa – fuq livell Statali u daqstant ieħor federali – dwar il-qtil tal-infermier.

Fl-istess ħin, il-President Donald Trump qed jisħaq li l-aġenti tal-ICE qegħdin jaqdu dmirhom bħala patrijotti, filwaqt li akkuża lis-Sindku ta’ Minneapolis, Jacob Frey, u l-Gvernatur Walz bħala protagonisti fl-attentati ta’ rewwixta kontra l-Gvern federali.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-ġenituri ta’ Alex Pretti appellaw biex toħroġ il-verità dwar binhom li kellu reputazzjoni bħala bniedem qalbu tajba u dejjem lest biex jgħin lil ħaddieħor.

Huma qalu li binhom, ftit qabel inqatel, kellu f’idu biss it-telefon ċellulari u ma kienx qed ixejjer arma tan-nar, bħalma allegaw l-aġenti tal-ICE u l-uffiċjali tal-Homeland Security.

Fl-Istat ta’Minnesota ilhom il-ġimgħat għaddejjin ir-rejds mill-aġenti tal-ICE li jridu jaqbdu lin-nies mingħajr id-dokumentazzjoni li tikkonfermahom bħala ċittadini legali tal-Istati Uniti.