Internazzjonali

100 sena mill-invenzjoni tal-ewwel set tat-televiżjoni

Kien is-26 ta’ Jannar tal-1926 – eżatt 100 sena ilu.

Il-ġurnata li fiha twieled it-televiżjoni. Il-ġurnata li fiha l-Iskoċċiż John Logie Baird ħaddem l-ewwel set tat-televiżjoni.

U huwa propju għalhekk li dan il-jum huwa meqjus bħala wieħed li ġab rivoluzzjoni fid-dinja kif konna nafuha sa dak iż-żmien; rivoluzzjoni fil-mod kif nikkunsmaw l-aħbar u d-divertiment. Mhux aktar b’mod fiżiku, f’teatru, jew minn fuq palk – iżda issa, minn quddiem screen.

L-invenzjoni ta’ Baird kienet preżentata f’kamra żgħira fiċ-ċentru ta’ Londra. U dawk li raw dan l-ewwel set tat-televiżjoni kien grupp ferm żgħir ta’ nies – fosthom membri tal-midja.

Fil-fatt, fit-Times ta’ Londra, wieħed mill-ġurnalisti – dak iż-żmien – kien kiteb kif fuq it-televiżjoni hu ra stampi żgħar, u mhux ċari. Iżda l-esperiment kien ħadem. Kien suċċess. Baird kien irnexxilu jxandar bl-ewwel set tat-televiżjoni li qatt inħoloq.

L-għaxar snin ta’ wara kienu rivoluzzjonarji fihom infushom. U sal-1936, eżatt qabel faqqgħet il-gwerra, il-BBC kien diġà żviluppa sew dan il-mezz ta’ xandir. Fost l-aktar xandiriet popolari f’dawk l-ewwel snin tat-televiżjoni kien hemm minn sketches komiċi sa produzzjonijiet ibbażati fuq ix-xogħol ta’ Shakespeare.

Illum, dak li fil-bidu tas-seklu l-ieħor kien jissejjaħ Televisor, issa sar mezz ta’ divertiment għall-familja kollha mfittex f’kull ħin tal-ġurnata u li mar mill-istampa griża ta’ dahri għal immaġini kbar u ta’ definizzjoni għolja li naraw illum il-ġurnata – minn trażmissjonijiet live sal-aktar pjattaformi popolari tal-ġenerazzjoni tagħna.

Grazzi għal Baird illum nistgħu ngawdu wkoll il-programmi varji ta’ Net Television – l-aktar stazzjon popolari f’pajjiżna.