Lokali Qorti

18-il xahar ħabs wara li ħebb għall-ġenituri tiegħu

Żagħżugħ ta’ 23 sena li jgħix ix-Xewkija u li ilu jissielet mal-vizzju tad-droga ġie kkundannat 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati li ħebb għall-ġenituri tiegħu u b’imġibtu beżżagħhom. L-isem tal-imputat ma ġiex imxandar biex tiġi protetta l-identità tal-ġenituri.

Il-Qorti semgħet kif l-inċident seħħ fil-lejl ta’ bejn is-6 u s-7 ta’ Awwissu 2023, meta ż-żagħżugħ attakka lil missieru u b’aġir aggressiv ħoloq klima ta’ biża’ fid-dar tal-familja. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana fil-Qorti tal-Maġistrati t’Għawdex u kien investigat mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.

Waqt is-seduta, uffiċjal tal-probation xehed li l-imputat kien ingħata pjan ta’ kura u rijabilitazzjoni kemm għas-saħħa mentali tiegħu kif ukoll biex jindirizza l-problema tad-droga, iżda naqas milli jimxi ma’ dan il-pjan. Ġie spjegat li, minkejja l-għajnuna offruta, huwa reġa’ waqa’ f’ħajja deskritta bħala kaotika u instabbli.

Il-Maġistrat irrimarka wkoll li ż-żagħżugħ kien diġà ngħata opportunità oħra mill-Qorti fl-2024, meta ġiet imposta sentenza alternattiva bil-għan li jgħinu jerġa’ jorganizza ħajtu. Madankollu, huwa kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu u naqas milli jieħu bis-serjetà ċ-ċans li ngħata.

Fil-kunsiderazzjonijiet tiegħu dwar il-piena, il-Qorti qieset li rriżulta li f’diversi okkażjonijiet l-imputat kien ħebb għall-ġenituri tiegħu, anke meta dawn ippruvaw jgħinuh u jgħidulu “kelma ta’ ġid”. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi kollha, il-Maġistrat sab lill-imputat ħati u kkundannah 18-il xahar priġunerija.