Lokali

Abela qed jistenna l-evidenza tar-rapport tal-FIAU dwar Galdes mingħand il-ġurnalisti

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Roderick Galdes irriżenja minn Ministru minn jeddu. Dan huwa dak li seħħ fil-kurituri ta’ Kastilja fl-aħħar jumejn hekk kif il-Prim Ministru ma ta ebda indikazzjoni li kien hu li ġiegħlu jirriżenja minn Ministru tal-Housing.

F’kummenti mal-ġurnalisti, Robert Abela qal li Roderick Galdes irriżenja għal raġuni ġenerali b’rabta mal-allegazzjonijiet tal-aħħar xhur.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar x’inbidel mill-aħħar ġimgħat u x’wassal għar-riżenja ta’ Roderick Galdes la darba dan qiegħed jgħid li m’għamel xejn ħażin, Abela sostna li l-issa Eks Ministru ddeċieda li jieħu l-pass tiegħu minkejja li s’issa l-iskandli tal-proprjetajiet skont hu huma biss allegazzjonijiet.

Mistoqsi għal darba tnejn tlieta jekk ġegħlux hu biex jirriżenja jew Galdes warrab minn jeddu, għal darb’oħra l-Prim Ministru naqas milli jwieġeb b’mod ċar u tond.

Dan filwaqt li meta kien iddomandat jekk hux se jħallih joħroġ bħala kandidat Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, Abela tenna li dan kollu għadu biss allegazzjonijiet mingħajr evidenza.

B’hekk Net News staqsa meta ra jew sar jaf bir-rapport tal-FIAU b’rabta ma’ Roderick Galdes u l-familja tiegħu – hekk kif rapporti fuq il-midja lokali tul is-snin tkellmu dwar investigazzjoni tal-FIAU li twettqet lura fl-2021 – fejn ħareġ suspett qawwi bejn interess tal-qraba ta’ Galdes u kuntratturi b’rabta ma’ proġetti tal-housing.

Filwaqt li ma ċaħadx l-eżistenza ta’ dan ir-rapport, Robert Abela xeħet id-dubju dwaru.

Aktar minn hekk, il-Prim Ministru minflok jara li l-membri tal-Kabinett tiegħu jaġixxu bl-aktar mod etiku u ġust… insista li jirċievi l-evidenza mingħand il-ġurnalisti.

Intant, wara r-riżenja ta’ Roderick Galdes minn Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Robert Abela kkonferma li ta din ir-responsabbiltà lis-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Andy Ellul… b’Robert Abela issa jkollu aktar qrubija diretta mal-kuntratturi tal-iżvilupp… pass li ħoloq preċedenza kbira, bid-deals issa joħorġu mill-uffiċju tal-Prim Ministru nnifsu.

.