Nazzareno Dalli ta’ 44 sena, li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġt aħwa bniet, reġa’ tressaq il-Qorti wara li issa ġie akkużat li wettaq vjolenza fil-konfront tas-sieħba tiegħu. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, li ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest.
Dalli kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Ottubru tal-2024, seba’ xhur wara li allegatament ta daqqiet ta’ sikkina lil tifla ta’ 12-il sena u oħra ta’ 15-il sena fid-dar tagħhom fil-Marsa. Madankollu, huwa ħareġ mill-ħabs f’Diċembru tal-istess sena wara li nbidlu l-kundizzjonijiet tal-bail imposti fuqu.
Dalli reġa’ tressaq il-Qorti, din id-darba akkużat b’vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu, li allegat li huwa waddbilha xi oġġetti u mbagħad ħabbtilha rasha ma’ ħajt. Il-mara rrappurtat l-episodju lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika f’Santa Luċija u qalet li binha minuri kellu jidħol bejniethom biex jifred il-ġlieda.
Minbarra l-akkużi ta’ vjolenza, Dalli jinsab mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li huwa riċediv. Huwa ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih. Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, u sostniet li l-imputat kien se jgħix f’indirizz ieħor u li, skont l-assessjar li sar, il-mara ma kinitx f’riskju għoli.
Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi rrimarkat li r-reat iġorr piena ta’ priġunerija, li kien hemm xhieda minuri, u li Dalli diġà jinsab fuq il-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ każ serju ieħor. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti ddeċidiet li tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>

