Lokali Qorti

Ammissjoni ta’ ħtija fuq vjolenza domesika twassal għal ordni ta’ trażżin kontra żagħżugħ

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ordnat li żagħżugħ ta’ 21 sena residenti San Pawl il-Baħar jingħata ordni ta’ trażżin wara li ammetta numru ta’ reati mwettqa fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.

Il-każ kien jinkludi akkużi serji ta’ arrest u żamma illegali, vjolenza ta’ natura ħafifa, theddid u fastidju ripetut permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika, kif ukoll inġurji u theddid ieħor kontra l-istess vittma.

Mill-atti tal-kawża rriżulta li l-allegati fatti seħħew f’diversi okkażjonijiet bejn April u Mejju tal-2022, prinċipalment ġewwa San Pawl il-Baħar. L-akkużi kienu jinkludu inċident fejn l-imputat allegatament żamm lill-eks sieħba tiegħu kontra r-rieda tagħha, kif ukoll episodju separat fejn ikkaġunalha offiża ta’ natura ħafifa, kif iċċertifikat minn tabib.

Barra minn hekk, il-prosekuzzjoni akkużatu li, fuq perjodu ta’ żmien, hedded u wettaq fastidju fil-konfront tagħha permezz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’għan li jbeżżagħha jew jiddisturbaha. L-imputat ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Il-Qorti aċċertat li din l-ammissjoni kienet ċara, volontarja u inekwivoka, wara li wissiet lill-imputat b’mod solenni dwar il-konsegwenzi legali tagħha u tatu wkoll l-opportunità jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu wara konsultazzjoni mal-avukat difensur. Fid-dawl ta’ din l-ammissjoni, il-Qorti ddikjarat li ma kienx hemm bżonn li jinġabru aktar provi u sabitu ħati tal-akkużi kollha kif dedotti.

Meta ġiet biex tiddetermina l-piena, il-Qorti qieset diversi fatturi, fosthom il-fatt li l-imputat kellu fedina penali netta. Ġiet meqjusa wkoll il-pożizzjoni kemm tal-prosekuzzjoni kif ukoll tal-parti leża, li ssottomettew li kien ta’ importanza primarja li tiġi assigurata l-protezzjoni tal-vittma permezz ta’ ordni ta’ trażżin, aktar milli l-impożizzjoni ta’ piena karċerarja.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti applikat id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi u lliberat lill-imputat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix ebda reat ieħor għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tas-sentenza. Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ trażżin kontrih favur il-vittma għall-istess perjodu ta’ tliet snin, bil-għan li tiġi salvagwardjata s-sigurtà u l-paċi tal-mara. Il-Qorti spjegat lill-ħati l-portata ta’ din is-sentenza u l-konsegwenzi serji li jistgħu jirriżultaw jekk jonqos milli josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu.