“Kulħadd skjav tax-xogħol u xorta ħadd ma jlaħħaq mal-għoli tal-ħajja. Trid taħdem mill-inqas tliet xogħlijiet biex forsi tlaħħaq. Fl-aħħar sebgħa snin il-ħajja f’pajjiżna splodiet.”
Dawn kienu wħud mill-kummenti ta’ kritika li rċieva ONE News, meta permezz ta’ artiklu li ppubblika, prova jagħti l-impressjoni li fuq medda ta’ 20 sena, bejn is-snin l-2004 u l-2024, mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, Malta kellha fost l-ogħla dħul tal-familji – b’żieda ta’ 90%.
Jidher li din l-istorja ma tantx niżlet tajjeb man-nies; b’ħafna jikkritikaw lill-Gvern ta’ Robert Abela, li qed jonqos milli jindirizza l-ogħli tal-ħajja, tal-proprjeta u tal-kiri.
B’oħrajn saħansitra jsemmu ż-żieda ta’ persuni li sfaw homeless u jappellaw sabiex il-Gvern jieħu azzjoni u jinċentiva aktar Maltin ħalli jaħdmu f’setturi varji.
L-idea li qed jipprova jagħti ONE News hija waħda żbaljata u qarrieqa – anke għaliex fil-prattika, l-għoli tal-ħajja qed tisloħ bwiet in-nies, filwaqt li ħafna qed jaffaċjaw piżijiet oħrajn; speċjalment fejn tidħol il-proprjetà. Bil-pagi jibqgħu staġnati, u l-flus fil-but ikomplu jonqsu.
NET News jista’ jikkonferma dan, permezz ta’ ċifri riċenti maħruġa mill-Eurostat illi juru kif ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet ogħla minn dik taz-zona Ewro – dan hekk kif ir-rata tal-inflazzjoni fiz-zona Ewro tinsab fil-livell ta’ 1.9% filwaqt li f’pajjiżna tinsab 2.4% – żidiet fil-prezzijiet li qed ikomplu jnaqqru mill-pagi u mill-pensjonijiet.
Apparti minn hekk, iċ-ċifri jikkonfermaw iswed fuq l-abjad, li r-rata tal-ogħli tal-ħajja f’pajjiżna qed tkompli tispara ‘l fuq, b’eluf ta’ Maltin u Għawdxin isibuha diffiċli mmens biex ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum.
//= $special ?>

