Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor G. Axiak, ikkundannat lil Giuseppe Carlone, Taljan ta’ 56 sena, għal ħames xhur priġunerija wara li ammetta li wettaq serq ripetut minn supermarket f’Ħal Qormi u li kien qed jgħix ħajja ta’ vagabondaġġ u nuqqas ta’ xogħol.
Carlone, li twieled Bari fl-Italja u m’għandux indirizz fiss f’Malta, tressaq il-Qorti taħt arrest u ammetta li bejn l-4 u t-13 ta’ Jannar 2025, u anke fi żminijiet qrib ta’ dawk id-dati, seraq diversi oġġetti minn Pavi Supermarket fi Triq l-Ijun, Ħal Qormi.
Is-serq ġie kklassifikat bħala wieħed aggravat minħabba l-valur tal-oġġetti misruqa, li kien jaqbeż it-€232.94 iżda ma jaqbiżx it-€2,329.37. Fl-istess perijodu, l-akkużat ammetta wkoll li kien qed jgħix ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ, fatt li jikkostitwixxi reat separat taħt il-Kodiċi Kriminali.
Waqt is-seduta, l-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi kollha. Il-Qorti spjegatlu fid-dettall u b’mod solenni l-konsegwenzi legali tal-ammissjoni tiegħu u posponiet is-smigħ sabiex tagħtih l-opportunità jerġa’ jikkonsulta mal-avukat tiegħu u jikkonferma d-deċiżjoni tiegħu.
Meta l-każ reġa’ tressaq, Carlone kkonferma l-ammissjoni tiegħu, u għalhekk il-Qorti kkonvertiet ruħha formalment f’Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali skont il-liġi u għaddiet għas-sentenza. Meta qieset il-piena, il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati, il-fatt li dawn twettqu fuq perjodu ta’ żmien u bl-istess intenzjoni kriminali, kif ukoll is-sottomissjonijiet li saru dwar il-piena.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti sabet lil Carlone ħati u kkundannatu għal ħames xhur priġunerija effettiva. Minbarra l-piena ta’ ħabs, il-Qorti ħarġet ordni ta’ trattament għal perijodu ta’ tliet snin, li jobbliga lill-akkużat jissottometti ruħu għal trattament relatat mal-vizzju tad-droga. Il-Qorti spjegatlu b’lingwaġġ ċar u sempliċi r-responsabbiltajiet tiegħu u l-konsegwenzi li jiffaċċja jekk jikser xi kundizzjoni ta’ din l-ordni.
Il-Qorti ordnat ukoll li Giuseppe Carlone jħallas kumpens lil Pavi Supermarkets Limited fis-somma ta’ €350, bħala restawr tad-danni kkawżati mis-serq. Dan l-ammont għandu jitħallas lura f’sitt pagamenti mensili ugwali, skont kif provdut mil-liġi.
//= $special ?>
