Internazzjonali

Il-Messiku: Massakrati bla ħniena wara logħba futbol

Grupp ta’ rġiel armati fetħu n-nar fuq il-folol tan-nies li ftit qabel kienu qed jassistu għal logħba futbol f’Salamanca, fiċ-ċentru tal-Messiku. B’riżultat tal-attakk inqatlu tal-anqas 15, b’20 jisfaw midruba — biċ-ċifra tal-vittmi kapaċi tiżdied fis-sigħat li ġejjin.

Ix-xhieda qalu li l-aggressuri kienu waslu fis-sit b’diversi vetturi u fejn qabdu jisparaw, b’mod indiskriminattiv, lejn kulmin inzerta quddiemhom.

Dan wara li ħafna familji kienu baqgħu fl-inħawi wara l-logħba bejn żewġ klabbs lokali u bil-Pulizija tikkonferma li hemm in-nisa u t-tfal fost il-vittmi tal-attakk.

L-iskop wara l-massakru mhux ċar… Intant, Salamanca tifforma parti mill-Istat ta’ Guanajuato li s-sena l-oħra kien l-aktar Stat li rreġistra omiċidji minn fost l-Istati Messikani kollha.