Fil-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq Campus FM tas-Sibt li għadda, il-Ministru Miriam Dalli ammettiet li ħafna nies laħqu ħallsu żżejjed minħabba l-problema li nqalgħet fl-ARMS lura fl-2024.
Sostnew dan fi stqarrija ix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma, Mark Anthony Sammut u x-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Graziella Galea, fi stqarrija fejn sostnew kif wara numru ta’ ġranet fejn l-ARMS u l-Partit Laburista ppruvaw jgħidu li l-Partit Nazzjonalista qed jigdeb u li s-sistema qed taħdem tajjeb, issa l-Ministru ammettiet li eluf ta’ nies ħallsu żejjed minħabba li nħarġulhom kontijiet mingħajr l-Eko-riduzzjoni u qed tgħid li l-ARMS se tieħu l-passi biex tirranġa l-problema u jagħtu l-flus lura lin-nies.
Dan ifisser żewġ affarijiet:
· L-ewwel, li kellu jkun il-Partit Nazzjonalista biex l-ARMS tibda tindirizza l-problema u l-ħlas żejjed jingħata lura, kif qed jikkonfermawlna mijiet ta’ konsumaturi li qed ikellmuna;
· It-tieni, hija ammissjoni li għal mill-inqas sena l-ARMS ħbiet din il-problema lill-konsumaturi u ħalliethom iħallsu żżejjed sakemm ma jindunawx.
Filwaqt li audit indipendenti jista’ jwassal biex wieħed jifhem l-entità tal-problema, kif diġà qal il-Partit Nazzjonalista, din m’għadhiex kwistjoni ta’ audit. Din hija kwistjoni ta’ fiduċja, li l-ebda audit mhu se jsewwi.
In-nies ma jistax ikollhom iżjed fiduċja fil-kontijiet u fl-istqarrijiet tal-ARMS sakemm tibqa’ hemm it-tmexxija preżenti. Tmexxija li l-Ministru stess qed tikkonferma li waslet lill-ARMS toħroġ kontijiet ħżiena għal iżjed minn sena, gidbet dwarha, u ħadet passi biss wara li żvelat kollox l-Oppożizzjoni.. U huwa għalhekk li baqgħet qatt ma wieġbet dwar meta kienet infurmata b’dan l-iżball u dawn il-kontijiet ħżiena.
//= $special ?>

