Il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, laqgħet parzjalment appell imressaq minn Xanya Viray Giron kontra l-Aġenzija Identità Malta, u ordnat li l-atti tal-każ jintbagħat lura quddiem il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni sabiex il-każ jiġi deċiż fuq il-mertu tiegħu.
Il-Qorti sabet li l-Bord żbalja meta ddikjara l-appell “fuori termine” minħabba konfużjoni fid-dati u nuqqas serju li jiġu kkunsidrati s-sottomissjonijiet u d-dokumenti ppreżentati mill-appellanta. Il-każ oriġina minn appell li Giron ressqet quddiem il-Bord fl-14 ta’ Jannar 2025, wara li ġiet infurmata permezz ta’ email mill-Aġenzija Identità Malta li l-applikazzjoni tagħha għal single permit kienet ġiet irtirata.
Fil-proċeduri quddiem il-Bord, l-appellanta kienet annettiet screenshot tal-email li kienet tindika li l-applikazzjoni tagħha ġiet “withdrawn”, iżda fil-formola tal-appell indikat data ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2024. Il-Bord, fid-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2025, iddikjara l-appell null u ineffettiv fuq il-bażi li kien ġie ppreżentat tard, billi qies li t-terminu ta’ tlett ijiem beda jiddekorri mid-30 ta’ Diċembru 2024.
Fl-appell quddiem il-Qorti tal-Appell, Giron sostniet li d-deċiżjoni finali u determinanti kienet dik tat-13 ta’ Jannar 2025, meta ġiet infurmata li l-applikazzjoni tagħha kienet ġiet formalment irtirata, u li l-appell tagħha quddiem il-Bord kien ġie intavolat l-għada stess, fi żmien il-liġi.
Hija qajjmet diversi aggravji, fosthom eċċess ta’ poter amministrattiv, nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni tal-Aġenzija, ksur tad-dritt għal smigħ ġust, u nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ raġonevolezza, proporzjonalità u element uman.
L-Aġenzija Identità Malta, min-naħa tagħha, qajmet eċċezzjonijiet preliminari dwar l-ammissibbiltà tal-appell u argumentat li l-Qorti setgħet tisma’ biss punti ta’ liġi u mhux il-mertu. Sostniet ukoll li l-Bord kien marbut bil-parametri tat-talba kif ippreżentata mill-appellanta, li fil-formola tal-appell kienet indikat id-data tat-30 ta’ Diċembru 2024, u li għalhekk id-deċiżjoni tal-Bord kienet korretta.
Il-Qorti tal-Appell, wara li eżaminat l-atti u d-dokumenti ppreżentati, inklużi ż-żewġ emails tat-30 ta’ Diċembru 2024 u tat-13 ta’ Jannar 2025, sabet li l-Bord kien iffoka esklussivament fuq l-ewwel data u naqas kompletament milli jikkunsidra t-tieni email, li kienet dik li effettivament kellha l-effett finali li tirtira l-applikazzjoni.
Il-Qorti osservat ukoll li s-sottomissjonijiet tal-appellanta, li kienu ġew ippreżentati fit-terminu mogħti mill-Bord stess, ma ġewx ikkunsidrati u lanqas imsemmija fid-deċiżjoni appellata, minkejja li dawn kienu jinkludu dokumentazzjoni rilevanti li kienet tikkjarifika l-pożizzjoni u d-dati korretti.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti kkonkludiet li l-appell quddiem il-Bord kien effettivament wieħed mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2025 u li kien ġie ppreżentat fil-ħin stipulat mil-liġi. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Bord li jiddikjara l-appell tardiv kienet irregolari u bbażata fuq apprezzament żbaljat tal-provi u konfużjoni fattwali. Il-Qorti għalhekk laqgħet it-tielet aggravju tal-appellanta, filwaqt li astjeniet milli tidħol fil-kumplament tal-aggravji, peress li dawn jikkonċernaw il-mertu u għandhom jiġu deċiżi fl-ewwel istanza mill-Bord.
B’konsegwenza ta’ dan, il-Qorti ordnat li l-atti jintbagħtu lura quddiem il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni sabiex dan jiddeċiedi l-każ fuq il-mertu tiegħu, limitatament għad-deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2025, u wara li jqis is-sottomissjonijiet u d-dokumenti kollha ppreżentati mill-appellanta.
//= $special ?>

