Ir-raba’ edizzjoni ta’ Caritas Run For life se ssir fit-1 ta’ Marzu – ġirja jew mixja miċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas Ħaż-Żebbuġ u lura.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt irringrazzja lil dawk il-persuni li qed jagħtu sapport għar-raba’ edizzjoni ta’ Caritas Run For Life – attivià li ma tkunx possibbli mingħajr is-sapport ta’ Sportmalta, St Patrick’s Athletic Club u kontributuri oħrajn.




Ray Spiteri President ta’ St Patrick’s Athletic Club qal li l-klabb iħossu onorat li għal darb’oħra se jerġgħu jagħtu l-assitenza lil Caritas Malta.
L-avveniment se jinkludi ġirja ta’ 10km, oħra ta’ 5km għall-adulti kif ukoll ġirjiet għat-tfal ta’ kilometru u 2.5km.
Għal dawk il-persuni li forsi għadhom mhux fil-livell li jiġru, Caritas taħseb għalihom ukoll… u ssir mixja ta’ 5km.
Ir-rotta hija waħda unika, f’ambjent rurali u mingħajr traffiku; bit-tluq minn ħdejn il-Komunità Terapewtika ta’ San Blas u lura.
Kategoriji fl-etajiet differenti jistgħu jirbħu trofew għall-ewwel, it-tieni u t-tielet post.
Fuq kollox, Caritas Malta temmen li fis-soċjetà tagħna kulħadd – tfal, adolexxenti, żgħażagħ, adulti u anzjani – għandu l-bżonn ta’ opportunitajiet fejn wieħed jesperjenza s-sabiħ li tgħix u tgħix il-ħajja sana ’l bogħod mis-sustanzi u dak kollu li jfixkel lill-bniedem milli jgħix bid-dinjità sħiħa tiegħu.
//= $special ?>

