Lokali Qorti

Jingħata l-ħelsien mill-arrest raġel akkużat bi stupru wara li ltaqa’ ma’ mara fuq Tinder

Ritratt mill-Arkivji

Raġel miżżewweġ ta’ 36 sena, Onur Arslan, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien tressaq il-Qorti akkużat li stupra mara li kien iltaqa’ magħha fuq l-app tad-dating Tinder u ħadha f’kamra ta’ lukanda. Il-każ ħareġ wara li l-Pulizija ġew infurmati minn Mater Dei Hospital li mara li kienet tinsab l-isptar xtaqet tagħmel rapport ta’ stupru.

L-uffiċjali tal-Pulizija ltaqgħu magħha fl-isptar statali, fejn hija tat il-verżjoni tagħha tal-ġrajjiet. Skont ix-xhieda tagħha, hija kienet iltaqgħet mal-akkużat fuq Tinder u t-tnejn qablu li jiltaqgħu. Marru jieklu barra u wara marru f’lukanda li kienet ġiet ibbukkjata mir-raġel.

Il-mara qalet li, ladarba waslu fil-kamra, poġġiet fuq is-sodda u bdiet tara t-televiżjoni, waqt li l-akkużat daħal fil-kamra tal-banju u ħa doċċa. Meta ħareġ, kien liebes xugaman biss madwar qaddu. Hija allegat li f’dak il-mument ir-raġel sforza ruħu fuqha u li minkejja li hi qaltlu ripetutament li ma riditx tagħmel sess, huwa injora t-talbiet tagħha.

Wara dawn l-allegazzjonijiet, il-Pulizija ressqu akkużi fil-konfront ta’ Arslan u tressaq il-Qorti aktar kmieni dan ix-xahar, fejn inizjalment il-Qorti kienet ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest. F’seduta sussegwenti, waqt kontro-eżami, l-Ispettur Cheyenne Mangion ikkonfermat li minn messaġġi skambjati bejn il-koppja ħareġ li kienu ddiskutew li jkollhom relazzjonijiet sesswali kif ukoll il-preferenzi tagħhom.

Ġie kkonfermat ukoll li l-akkużat kien qal b’mod ċar li kien qed ifittex “friend with benefits”. L-istess Spettur ikkonfermat li l-mara ma kinitx oġġezzjonat li tmur il-lukanda u li kienet neħħiet ukoll xi ħwejjeġ tagħha.

L-Ispettur Ryan Vella qal lill-Qorti li l-akkużat ikkoopera bis-sħiħ mal-investigazzjonijiet u insista li l-att sesswali kien wieħed konsenswali mill-bidu sal-aħħar. Fil-Qorti xehdet ukoll ħabiba tal-mara allegata vittma, li qalet li l-allegata vittma kkuntattjatha u qaltilha li kienet qed tħoss uġigħ wara li kienet ġiet stuprata.

Hija insistiet li teħodha l-isptar biex tiġi eżaminata. Ix-xhud qalet ukoll li l-mara ma kinitx semmiet magħha li kienet iltaqgħet mar-raġel fuq Tinder. Ix-xhieda tal-mara tal-akkużat ikkonfermat li hi u żewġha għandhom dar f’Malta u t-tnejn għandhom impjiegi stabbli.

Wara li l-prosekuzzjoni kkonfermat li l-allegata vittma kienet diġà xehdet fl-inkjesta dwar il-każ, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat kontra depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €30,000. Huwa ġie ordnat jiffirma kuljum f’għassa tal-Pulizija u joqgħod id-dar bejn il-5.45 ta’ filgħodu u t-8.15 ta’ filgħaxija.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, filwaqt li l-akkużat kien irrappreżentat mill-avukati Franco Debono u Adreana Zammit.