Lokali

Każ ieħor fejn Abela jagħmel mod fl-Ewropa, u f’Malta jagħmel mod ieħor – PN

Barra minn Malta Robert Abela jagħmel mod, hawnhekk jagħmel mod ieħor.

Fil-Parlament illejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wera kif fuq il-kwistjoni ta’ Greenland, il-Gvern Laburista qabel mal-pożizzjoni li ħadet l-Unjoni Ewropea dwar id-dritt tad-Danimarka u Greenland li jiddeċiedu huma fuq il-futur ta’ Greenland, imma f’pajjiżna vvota kontra Mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u Ewropej li kienet tieħu l-istess pożizzjoni.

Fil-bidu tal-intervent tiegħu bi tweġiba għal Stqarrija Ministerjali mill-Prim Ministru fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ssejjaħ b’urġenza l-ġimgħa l-oħra, il-Kap tal-PN Alex Borg poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dikjarazzjoni li għamel il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa fi tmiem is-Summit li fiha għamilha ċara li d-Danimarka u Greenland għandhom l-appoġġ sħiħ tal-UE kollha – inkluż ta’ Malta bħala Stat Membru – kif ukoll li huma biss id-Danimarka u Greenland li għandhom jiddeċiedu fuq materji li jikkonċernaw lilhom. Din, kompla jgħid Costa, hija riflessjoni tal-impenn qawwi tal-UE lejn il-prinċipji tal-liġi internazzjonali, l-integrità territorjali u s-sovranità nazzjonali li huma essenzjali għall-Ewropa u għall-komunità internazzjonali u li se jkomplu jiggwidaw l-azzjonijiet tal-UE.

Din id-dikjarazzjoni tas-Soċjalista António Costa – qal il-Kap tal-Oppożizzjoni –  hija konformi mal-Mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti u li kuntrarju għal dak li qal Robert Abela waqt l-Istqarrija Ministerjali u aktar kmieni llum f’kummenti lill-media, mhux talli ma kinitx Mozzjoni kontra l-Gvern imma talli l-ħsieb warajha kien li f’mument daqshekk kruċjali fuq livell internazzjonali l-Gvern u l-Oppożizzjoni jingħaqdu u jħaddnu l-valuri li dejjem ħaddnet l-Ewropa.

Imma filwaqt li l-Prim Ministru f’isem Malta, fil-Kunsill Ewropew, qabel mal-pożizzjoni li ħadet l-UE, hawn Malta ta struzzjonijiet lid-Deputati tiegħu fil-Kumitat Parlamentari biex jivvutaw kontra l-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni.

Każ ieħor fejn Abela fl-Ewropa jagħmel mod, hawn Malta jagħmel mod ieħor, temm jgħid Alex Borg.

Sadanittant, fil-kummenti tiegħu dwar is-Summit tat-22 ta’ Jannar imsejjaħ b’urġenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni beda billi qal li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru fl-aħħar jiem u li jippruvaw iqajmu dubju dwar is-sovranità ta’ Greenland, territorju tar-Renju tad-Danimarka, huma dikjarazzjonijiet li jheżżu l-prinċipju bażiku u kruċjali tar-relazzjonijiet internazzjonali: is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istati.

Alex Borg qal li meta s-sovranità titqies bħala negozjabbli, u meta l-integrità territorjali tiġi trattata b’mod superfiċjali, huma dejjem l-Istati żgħar li jħallsu l-prezz l-ewwel.

Il-Kunsill li tlaqqa’ fl-isfond tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna u s-sitwazzjoni fraġli fl-Istrixxa ta’ Gaza, iddiskuta wkoll id-dikjarazzjonijiet inkwetanti li saru mill-President tal-Istati Uniti fil-konfront tal-Unjoni Ewropea, fil-konfront tan-NATO, u fil-konfront ta’ Stati Membri Ewropej individwali meta tkellem dwar it-teħid ta’ Greenland.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li kif kien diġà qal, dawn huma dikjarazzjonijiet li ma messhomx saru u li ħolqu tensjoni fil-komunità internazzjonali. Huwa tenna li l-futur ta’ Greenland għandu jiġi deċiż mill-poplu tiegħu stess, u l-ebda theddid jew indħil minn pajjiżi oħra m’għandu qatt jiġi aċċettat.

Hu qal li l-Ewropa u l-komunità internazzjonali għandhom jibqgħu jħarsu r-rispett assolut lejn is-sovranità tal-Istati u l-integrità territorjali tagħhom. Fl-isfond ta’ dan, jeħtieġ li r-relazzjonijiet transatlantiċi bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti jerġgħu jissaħħu b’rispett reċiproku u b’ħarsien lejn il-liġijiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Ewropa trid tieħu responsabbiltà akbar għad-difiża tagħha u għall-awtonomija strateġika tagħha. Iżda dan għandu dejjem isir b’rispett u fil-qafas kostituzzjonali ta’ kull pajjiż membru, inkluż pajjizna.

Hu appella lill-Prim Ministru biex f’kull diskussjoni fuq livell Ewropew u f’kull deċiżjoni li jieħu f’isem pajjiżna dejjem iħares u jipproteġi l-interessi fit-tul ta’ Malta.