Il-Malta Development Bank (MDB) ġie approvat bħala msieħeb uffiċjali biex jimplementa l-programm InvestEU tal-Unjoni Ewropea.
Din l-akkreditazzjoni tfisser li l-MDB jista’ jibda diskussjonijiet direttament mal-Kummissjoni Ewropea biex jaċċessa garanziji finanzjarji tal-UE, liema garanziji se jappoġġjaw lin-negozji Maltin.
Biex jiġu rikonoxxuti bħala msieħba tal-InvestEU, banek nazzjonali tal-iżvilupp jgħaddu minn awditjar indipendenti strett li jieħu numru ta’ snin, imsejjaħ Pillar Assessment. Dan jivverifika li l-Bank għandu sistemi b’saħħithom fis-seħħ, f’oqsma bħal kontrolli finanzjarji u rappurtaġġ, proċeduri ta’ xiri, prevenzjoni tal-frodi, protezzjoni tad-data, policies, u prattiċi ta’ governanza tajba. Jinkludi wkoll awditjar indipendenti tal-kapaċitajiet legali, operattivi u finanzjarji tal-Bank.
Wara li l-Kummissjoni Ewropea lestiet dan il-proċess ta’ evalwazzjoni bir-reqqa, l-MDB ġie rikonoxxut bħala kwalifikat biex jaħdem direttament mal-programm InvestEU. B’hekk il-Bank issa huwa fost grupp magħżul ta’ istituzzjonijiet awtorizzati biex joperaw b’garanziji InvestEU
Dan se jippermetti lill-Bank li:
- Jaċċessa garanziji diretti appoġġjati mill-UE biex jitwettqu proġetti f’Malta
- Jiffoka fuq prijoritajiet ewlenin tal-UE, inklużi s-sostenibbiltà ambjentali, l-innovazzjoni diġitali,
u l-appoġġ għal negozji żgħar u ta’ daqs medju - Iżid l-ammont ta’ finanzjament disponibbli għall-intrapriżi Maltin
Malta Development Bank issa jista’ jimxi ’l quddiem bin-negozjati tal-ewwel ftehim ta’ garanzija mal-Kummissjoni, u ladarba dan jiġi ffirmat, il-Bank jikseb status sħiħ ta’ ‘implementing partner’.
Alison Micallef, Kap Eżekuttiv tal-MDB, qalet: “Dan il-pass jippermettilna nidderieġu direttament ir-riżorsiu l-garanziji tal-UE fi proġetti li jsarrfu f’benefiċċji tanġibbli għall-intrapriżi Maltin u l-ekonomija usa’. Qed naħdmu biex nikkonkludu n-negozjati għall-ewwel ftehim ta’ garanzija diretta tagħna taħt InvestEU.
B’hekk, l-istrumenti finanzjarji tal-MDB jkomplu jappoġġjaw lin-negozji Maltin.”
Leo Brincat, Chairman tal-MDB, żied jgħid: “Dan ir-rikonoxximent jankra sew lill-MDB bħala istituzzjoni nazzjonali ewlenija fl-ekosistema finanzjarja tal-Ewropa. Il-fatt li ġejna approvati bħala sieħeb implimentattiv taħt InvestEU jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-abbiltà tagħna li nisfruttaw l-investiment fi proġetti sostenibbli u innovattivi. Dan huwa pass li jsaħħaħ ir-rwol tagħna bħala katalist għal tkabbir li huwa fit-tul, reżiljeti, u li jħares il-prosperità kollettiva ta’ pajjiżna.”.


