Malta hija l-uniku Stat Membru tal-UE li minflok ma naqqas, żied l-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-2013 sal-lum. Malta fil-fatt żiedet dawn l-emissjonijet bi 17%, meta l-medja tal-intensità ta’ dawn l-emissjonijiet fl-Istati Membri kollha tal-UE naqset b’34%.
Iċ-ċifri tal-Eurostat – l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea li tiġbor u tippubblika statistika uffiċjali dwar il-pajjiżi Ewropej – li ġew ippubblikati fl-aħħar jiem, juru li filwaqt li Malta hi l-uniku pajjiż li flok naqqset, żiedet l-intensità tal-emissjonijiet, pajjiżi oħra qed jiksbu suċċessi impressjonanti fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja, fosthom l-Estonja li naqqset l-emissjonijiet b’64%, l-Irlanda b’50% u l-Finlandja b’44%.
L-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tkejjel l-ammont ta’ emissjonijiet (imkejla f’ekwivalenti ta’ CO₂) għal kull unità ta’ valur miżjud gross (imkejjel f’ewro) f’ekonomija. U hija indikatur tal-effiċjenza klimatika tal-produzzjoni ekonomika. Tnaqqis fl-intensità tal-emissjonijiet ifisser inqas emissjonijiet għall-istess ġenerazzjoni ta’ valur miżjud.
Għalhekk din iż-żieda, sostniet fi stqarrija x-Shadow Minister Eve Borg Bonello, hija aktar inkwetanti meta wieħed iqis li dawn l-istatistiċi jikkunsidraw ukoll il-valur ekonomiku iġġenerat fil-pajjiż ikkonċernat, u mhux l-emissjonijiet waħidhom. Fi kliem sempliċi, mhux qed inniġġsu aktar sempliċiment għax l-ekonomija kibret, imma llum għal kull ewro li qed inpoġġu fl-ekonomija tagħna qed inniġġsu aktar milli konna qed inniġġsu fl-2013.
Dan huwa riżultat dirett ta’ nuqqas ta’ ambizzjoni min-naħa tal-Gvern Malti fuq diversi binarji. Fosthom in-nuqqas ċar ta’ ambizzjoni li jżid bis-serjetà l-użu tal-enerġija li tiġġedded. Hawn ukoll, pajjiżna qiegħed lura ferm meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra. Fl-2024 pajjiżna ġġenera biss 10.7% tal-enerġija tiegħu minn sorsi li jiġġeddu. Dan meta l-medja Ewropea hija ta’ ftit aktar minn 25%. Malta f’dan ir-rigward tinsab fil-qiegħ tal-klassifika Ewropea, it-tielet mill-aħħar.
Il-Gvern Laburista qed ikompli juri apatija totali fejn jidħlu soluzzjonijiet innovattivi, u qed ikompli jkaxkar saqajh dwar problemi li l-poplu qed jiffaċċja kuljum, bħas-sigħat twal imwaħħlin fit-traffiku.
Il-Gvern donnu mhux jifhem lanqas li l-apatija tiegħu fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded mhux qed tħalli biss impatt negattiv fuq l-ambjent tagħna. L-UE qed tkompli ssaħħaħ ir-regolamenti tagħha dwar il-karbonju bil-għan li jintlaħqu l-miri klimatiċi għall-2030 u l-2050. Dan ifisser li l-falliment tal-Gvern Malti fl-enerġija li tiġġedded se jkun qed jissarraf f’ekonomija inqas kompetittiva meta mqabbel mal-kumplament tal-Ewropa. Il-piż ta’ dan kollu se jispiċċaw iġorruh fuq spallejhom il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Filwaqt li jappella lill-Gvern biex ixammar il-kmiem u jieħu azzjoni serja fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded u t-tnaqqis tal-emissjonijiet, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jaġixxi biex iħares kemm l-ambjent kif ukoll l-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan jagħmlu għax jagħraf li Malta u Għawdex ma jifilħux jibqgħu sejrin f’din id-direzzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista, qalet ix-Shadow Minister Eve Borg Bonello, jemmen bis-sħiħ li bir-rieda politika u bil-kuraġġ, pajjiżna jista’ ma jibqax l-agħar fl-Ewropa fi statistiċi bħal dawn, u minflok inħallu pajjiż bi problemi għal ta’ warajna, inħallu legat tal-aqwa ħajja possibbli għall-Maltin u l-Ghawdxin tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
//= $special ?>

