Futbol Sport

Matheus Cunha jista’ jiffaċċja sospensjoni wara reazzjoni fuq il-kamera

Matheus Cunha jidher jindirizza l-kamera wara li skorja l-gowl tar-rebħa għal Manchester United kontra Arsenal.
Matheus Cunha jidher jindirizza l-kamera wara li skorja l-gowl tar-rebħa għal Manchester United kontra Arsenal.

L-attakkant ta’ Manchester United, Matheus Cunha, possibilment jista’ jiffaċċja sospensjoni minħabba r-reazzjoni tiegħu wara li l-bieraħ il-Ħadd, hu skorja l-gowl tar-rebħa kontra Arsenal fil-Premier League.

Cunha daħal bħala sostitut għar-Red Devils, u poġġa lit-tim ta’ Michael Carrick fil-vantaġġ għat-tieni darba fl-Emirates Stadium. Wara li Mikel Merino ġab id-dro għal 2-2, Cunha dawwar il-ballun fir-rokna t’isfel tal-lasta wara azzjoni mill-isbaħ minn Bruno Fernandes u Kobbie Mainoo.

Hekk kif Cunha ġera lejn il-partitarji ta’ Manchester United, li kienu fil-kantuniera tal-istadium, il-Brażiljan ta’ 26 sena qabad il-kamera u għajjat xi ħaġa lejn il-lenti. Mhux ċar eżatt x’qal Cunha, iżda qed jingħad li kliemu kien jinkludi kliem mhux xieraq.

Peter Drury ta’ Sky Sports kellu jiskuża ruħu għall-kliem mhux xieraq li uża Cunha waqt iċ-ċelebrazzjoni. “Jekk smajtu xi kliem ħażin waqt iċ-ċelebrazzjonijiet, għal dan niskużaw ruħna,” qal Drury.

Skont ir-regolamenti tal-Football Association (FA), “lingwaġġ offensiv, insulenti jew abbużiv u/jew ġesti” iwasslu biex plejer jitkeċċa. Ir-regoli jiddikjaraw ukoll li l-FA Ingliża għandha s-setgħa tieħu azzjoni dixxiplinari wara l-partita jekk l-inċident jinqabad fuq il-kamera u jixxandar quddiem udjenza wiesgħa.

Li tgħajjat jew tgħid kliem ħażin direttament lejn il-kamera jitqies bħala att “ċar u b’intenzjoni” ta’ nuqqas ta’ dixxiplina u li hu ta’ diżunur lejn il-logħba tal-futbol.