Lokali Qorti

Miċħud appell ta’ ċittadina Indjana dwar ir-regolarizzazzjoni tal-qagħda tagħha f’Malta

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, ċaħdet appell imressaq minn Meenu Joseph, ċittadina Indjana, u kkonfermat fid-dettall id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni li kienet ċaħdet it-talba tagħha sabiex tirregolarizza l-qagħda tagħha f’Malta.

Il-każ joriġina minn deċiżjoni tal-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni li, fit-23 ta’ Novembru 2023, ordna lil Joseph sabiex tħalli l-pajjiż wara li ġie stabbilit li kienet qed toqgħod Malta b’mod irregolari. Meenu Joseph kienet waslet Malta fil-25 ta’ Ottubru, 2022 b’’working visa’ biex taħdem ma’ kumpanija partikolari, iżda malli waslet ġiet infurmata li l-pożizzjoni li kienet inħarġitilha l-visa għaliha ma kinitx għadha disponibbli.

Skont dak li ġie spjegat quddiem il-Qorti, l-appellanta kienet ħallset somom sostanzjali lil aġent f’pajjiżha sabiex jassiguralha impjieg u regolarizzazzjoni f’Malta. Wara li l-ewwel impjieg falla, hija ġiet riferuta lil aġenzija oħra u saret applikazzjoni ġdida għal ‘single work permit’.

Madankollu, din l-applikazzjoni ġiet irtirata meta l-ewwel impjegant informaha li l-pożizzjoni oriġinali kienet reġgħet saret disponibbli. Aktar tard irriżulta li l-‘working visa’ tagħha kienet skadiet u l-applikazzjoni l-ġdida qatt ma ġiet ippreżentata, b’konsegwenza li hija sabet ruħha mingħajr ebda permess validu ta’ residenza jew xogħol.

Il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni kien ċaħad l-appell tagħha fil-5 ta’ Mejju, 2025, fost oħrajn minħabba nuqqas serju ta’ provi li juru li l-appellanta kienet attivament ippruvat tirregolarizza s-sitwazzjoni tagħha.

Il-Bord irrimarka li kien hemm lakuna ta’ tmien xhur fejn ma ġiet ippreżentata l-ebda dokumentazzjoni li turi x’passi ħadet Joseph, u nnota wkoll in-nuqqas ta’ affidavit personali u ta’ komunikazzjonijiet konkreti mal-awtoritajiet kompetenti.

Quddiem il-Qorti tal-Appell, Meenu Joseph ressqet tliet aggravji ewlenin. Hija sostniet li kienet vittma ta’ terzi, li ma ġiex osservat il-prinċipju tal-audi alteram partem, (opportunità li tippreżenta l-każ tagħha) u li l-awtoritajiet naqsu milli japplikaw b’mod korrett il-prinċipji tar-raġonevolezza, tal-proporzjonalità u tal-element uman. Il-Qorti, madankollu, sabet li dawn l-aggravji ma kinux sostnuti mill-provi.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti osservat li l-appellanta naqset milli tipproduċi prova konkreta li turi li kienet għamlet dak kollu possibbli sabiex tassigura li l-applikazzjonijiet tagħha kienu qed jimxu ’l quddiem. Il-Qorti qalet li ma setgħetx taċċetta li persuna tħalli kollox f’idejn terzi mingħajr ma tivverifika personalment li l-affarijiet tagħha kienu qed jiġu regolarizzati, speċjalment meta kienet taf li l-working visa tagħha kienet skadiet jew waslet biex tiskadi.

Dwar l-ilment relatat mal-audi alteram partem, il-Qorti qieset li dan il-prinċipju ma nkisirx, peress li l-appellanta kellha l-opportunità tappella quddiem il-Bord u sussegwentement quddiem il-Qorti tal-Appell, fejn setgħet tressaq kull argument u prova li xtaqet. Għaldaqstant, skont il-Qorti, il-proċess offra garanziji suffiċjenti ta’ smigħ u reviżjoni.

Fir-rigward tal-element uman u tal-proporzjonalità, il-Qorti rrikonoxxiet id-dimensjoni umanitarja tas-sitwazzjoni tal-appellanta, iżda enfasizzat li dan ma jistax jissupera l-obbligu li persuni li jiġu jaħdmu f’Malta jkunu f’konformità mal-liġijiet tal-immigrazzjoni.

Il-Qorti qalet li dan kien każ fejn l-appellanta ħadet riskju mhux ikkalkulat sew, u li l-awtoritajiet ma aġixxewx b’mod arbitrarju jew sproporzjonat. Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet l-appell kollu kemm hu, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni fl-intier tagħha.