Lokali

Partit Nazzjonalista b’viżjoni u determinazzjoni għal għada aħjar

Il-pass ‘il quddiem ifisser li Malta terġa’ tnissel rispett lejn iċ-ċittadini tagħha, fejn il-Gvern jassigura li l-familji Maltin u Għawdxin ikunu protetti u ngħixu magħqudin, flimkien.

Dan saħqitu r-Rapporteur tal-Assemblea tal-Partit Nazzjonalista tal-Ewwel Reġjun, Ramona Muscat, fejn spjegat li tul l-assemblea ħareġ b’mod konsistenti li pajjiżna jeħtieġ viżjoni għall-ġejjieni, ibbażata kollha kemm hi fuq il-ħtiġijiet reali tan-nies; iżda aktar minn hekk viżjoni ta’ Partit Nazzjonalista li jnissel kuraġġ sabiex jittieħdu deċiżjonijiet għalkemm diffiċli iżda daqshekk ukoll meħtieġa – viżjoni li tassigura soċjetà moderna għad-deċenji li ġejjin.

Ramona Muscat spjegat li l-Assemblea iffukat dwar il-garanzija li joffri l-Partit Nazzjonalista għal pajjiż li joffri stabbiltà, trankwillità u kwalità tal-ħajja – mhux biss fuq il-karta iżda tanġibbli – kwalità li jgħixuha l-familji Maltin u Għawdxin.

L-Assemblea Reġjonali tal-Ewwel Reġjun iltaqgħet nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Jannar fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħamrun u iddiskutiet il-mozzjoni “Malta kif nafuha – Malta li tgħix sew fiha” b’enfasi ċara fuq il-kwalità tal-ħajja bħala l-kejl ewlieni tal-progress nazzjonali u bħala l-pedament ta’ politika serja u kredibbli għall-ġejjieni tal-pajjiż.

Waqt il-preżentazzjoni tagħha fil-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd, Ramona Muscat insistiet li pajjiżna jeħtieġ politika li terġa’ titratta l-persuna mhux bħala numru iżda bħala protagonista f’din il-miġja ta’ Malta Ewropea li lesta tilħaq il-miri tal-lum u ta’ għada – grazzi għal tisħiħ mhux biss fl-edukazzjoni, iżda wkoll fl-ippjanar u servizzi essenzjali li għandhom jaħdmu b’mod ħolisitiku, f’armonija waħda.  Dan, kompliet Muscat, jasal biss b’investiment serju fiż-żgħażagħ, fil-ħaddiema, u l-anzjani.

L-Assemblea enfasizzat il-ħtieġa ta’ riformi serji u strutturati bbażati fuq viżjoni fit-tul, li Gvern Nazzjonalista sa minn dejjem wera li huwa kapaċi joffri – riformi li jġibu dejjem l-interess tan-nies l-ewwel u qabel kollox lil’hinn mill-propoganda politika partiġjana.

Ċertament, li gvern għaqli u ta min jafda fih irid jindirizza l-istress u l-ansjetà li qed tinxtered fost il-Maltin u l-Għawdxin, li tiġi indirizzata l-pressjoni fuq l-infrastruttura ġenerali, is-sigħat twal ta’ xogħol u l-piżijiet ekonomiċi li dejjem qed jiżdiedu. Dan filwaqt li ġew diskussi wkoll l-importanza ta’ ambjent san, is-sigurtà u t-tisħiħ tal-komunitajiet. L-Assemblea kkonkludiet li dan kollu jitlob Partit Nazzjonalista b’viżjoni, determinazzjoni u organizzazzjoni aktar minn qatt qabel – partit li jisma’, jifhem u jaġixxi, sabiex il-bidla fil-ħajja tan-nies tasal verament.