Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €3,000 għal raġel li beżaq lejn il-pulizija wara li nqabed isuq fis-sakra

Raġel ta’ 34 sena ġie kkundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal 30 xahar u mmultat €3,000 wara li nstab ħati li beżaq lejn il-pulizija wara li nqabad isuq taħt l-effett tax-xorb. Glen Agius kien mixli li fid-19 ta’ Mejju 2025, f’San Ġiljan, ipparkja l-karozza ħdejn bus stop, naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-pulizija, saq mingħajr ma libes iċ-ċintorin tas-sigurtà, uża l-mobile phone waqt is-sewqan, kien taħt l-effett tal-alkoħol, kiser il-paċi pubblika b’għajjat u storbju, uża kliem oxxen u dagħa, beżaq lejn il-pulizija u heddidhom.

Surġent tal-Pulizija xehdet li rat vettura wieqfa ħdejn bus stop u meta qalet lis-sewwieq li ma setax jipparkja hemmhekk, dan beda jirrispondiha b’mod aggressiv. Huwa insista li kien kapaċi jsuq u talab li jimxi sal-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan biex “juri” li ma kienx fis-sakra, iżda l-pulizija waqqfuh biex ma jpoġġix lilu nnifsu jew lil ħaddieħor fil-periklu.

Kuntistabbli tal-Pulizija xehed li l-imputat beda jitkellem b’mod eċċessiv u aggressiv, irreżista l-arrest, beda jobżoq lejn il-pulizija u pprova jħebb għal surġent. Wara li semgħet il-provi kollha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li ġie ppruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli li l-imputat qabeż il-limitu permess tal-alkoħol fid-demm, li kien qed iżomm mobile f’idu waqt is-sewqan u li ma kienx liebes iċ-ċintorin tas-sigurtà. Għaldaqstant sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Il-Qorti saħqet li t-toroq Maltin ma jifilħux aktar imġiba li tmur kontra l-liġi u sostniet li “m’hemmx aktar post għal spavelderija, ksuħat u, agħar minn hekk, riskji gratwiti għal terzi”. Għal dawn ir-raġunijiet, minbarra s-sentenza ta’ ħabs sospiża u l-multa ta’ €3,000, il-Qorti skwalifikat lil Agius milli jsuq għal perjodu ta’ erba’ xhur u naqsitlu għaxar punti mil-liċenzja tas-sewqan tiegħu.