Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump qal li l-Gvern tiegħu ‘qed jirrevedi kollox’ wara l-qtil, fi tmiem il-ġimgħa, ta’ infermier taħt idejn l-aġenti tal-ICE għall-kontroll tal-immigrazzjoni u l-ħarsien tal-fruntiera….Qtil li qed jissejjaħ bħala ‘omiċidju sfaċċat taħt id-dawl tax-xemx’ u li seħħ nhar is-Sibt fil-belt ta’ Minnesota.
Il-vittma, raġel ta’ 37 sena, bl-isem ta’ Alex Pretti, qala’ diversi tiri fatali wara li spiċċa fl-art waqt li kien qed jiddefendi lil mara li spiċċat aggredita mill-istess aġenti tal-ICE li fetħu n-nar għal fuqu.
Il-qtil kien it-tieni wieħed f’anqas minn 20 jum f’Minnesota wara l-qtil, fis-7 ta’ Jannar, ta’ mara, Renee Good, li wkoll qalgħet tiri fatali sparati lejha minn aġent tal-ICE waqt li hi kienet qed issuq bil-mod ‘il hinn minnu.
Filwaqt li l-aġenti tal-ICE qegħdin jarrestaw lin-nies li jinsabu illegalment fl-Istati Uniti, jidher li huma, issa, mhumiex qed jiddiskriminaw maċ-ċittadini waqt ir-rejds kontinwi f’Minneapolis, il-belt ewlenija fl-Istat ta’ Minnesota, u bnadi oħra.
Dan meta Alex Pretti u Renee Good kienu t-tnejn ċittadini Amerikani b’rekord nadif minbarra li persuni rispettati fis-soċjetà.
Sadanittant, il-President Trump, waqt kummenti lill-Wall Street Journal, indika li għandu, eventwalment, jirtira lill-aġenti tal-ICE minn Minneapolis, għalkemm ma indikax iż-żmien partikulari meta dan għandu jseħħ.
F’Minneapolis, intant, qed ikomplu l-protesti taċ-ċittadini mgħaddbin dwar dak li qed isejħu bħala ‘renju ta’ terrur’ mill-Gvern li suppost li qiegħed jipproteġihom.
Fil-fatt, il-Gvernatur tal-Istat ta’ Minnesota, Tim Walz, wissa li l-Istati Uniti tinsab pass ‘il bogħod minn sitwazzjoni katastrofika għall-Amerikani kollha.
Fil-preżent, hemm tensjoni enormi bejn l-uffiċjali tal-Istat ta’ Minnesota u l-uffiċjali federali – b’Tim Walz, issa, joħroġ lit-truppi tal-Gwardja Nazzjonali (tal-Istat) bħala reinforzi għal mal-pulizija lokali f’Minneapolis.
Sadanittant, l-Amministrazzjoni ta’ Donald Trump qed tkompli tiddefendi lill-uffiċjal tal-ICE li spara u qatel lil Alex Pretti. Dan waqt li s-Segretarju responsabbli mill-Homeland Security, Kristi Noem, qalet li Pretti inqatel ‘għaliex kien qed ixejjer arma tan-nar’ – bl-awtoritajiet f’Minnesota jiċħdu dwar dan b’mod kategoriku.
Dawn l-awtoritajiet qed jirribattu li għalkemm Pretti kien qed iġorr arma reġistrata skont il-liġi, hu fl-ebda ħin ma prova jużaha u meta, fil-fatt, wieħed mill-aġenti tal-ICE kien ħatafulu mill-holster ftit qabel kienu sparati t-tiri fatali.
Il-pulizija f’Minnesota, issa, qed jgħidu wkoll li Pretti ‘kellu kull dritt’ li jġorr l-arma skont il-liġijiet tal-Istat u skont it-Tieni Emenda tal-Kostituzzjoni li tiddefendi d-dritt ta’ kull Amerikan li jkollu arma tan-nar.
Intant, il-President Trump qed ikollu jwieġeb kontinwament għall-mistoqsijiet diretti jekk l-aġenti tal-ICE, f’Minnesota, ħadux azzjoni ‘valida u f’waqtha’ li rriżultat fil-qtil ta’ Alex Pretti.
Hu wieġeb li ‘għandha tkompli investigazzjoni determinata dwar il-każ u għalkemm hu mhux favur ta’ dawn l-isparaturi, lanqas mhu favur sitwazzjoni fejn persuna ( b’referenza għal Pretti) joħroġ fil-pubbliku b’arma tan-nar u b’żewġ clips mimlija bil-balal fuq persuntu’.
Madankollu, l-Amministrazzjoni ta’ Trump, issa, qed tiffaċċja pressjoni kbira anki min-naħa ta’ xi Repubblikani prominenti fis-Senat ta’ Washington li ssieħbu mad-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni fost l-appelli għal ‘investigazzjoni totali u bla kantunieri’ dwar il-qtil ta’ Alex Pretti u Renee Good. Huma qed isejħu wkoll ‘biex issir ġustizzja l-ewwel u qabel kollox’.
50
//= $special ?>

