Lokali

Tikber ir-rabja għal Robert Abela fil-Partit Laburista

Ritratt: Facebook
“Beżżiegħ... lanqas kellu d-diċenza jitolbu hu stess biex jirreżenja!”

Persuni viċin l-Eks Ministru Roderick Galdes jinsabu rrabjati wara li Robert Abela bagħat lil ħaddieħor biex jitlob lil Galdes jirriżenja minflok iffaċċjah hu stess

Matul il-ġurnata tal-Ħadd, nies viċin l-Eks Ministru Laburista Roderick Galdes tkellmu ma’ In-Nazzjon fejn esprimew is-sorpriża u r-rabja tagħhom għaliex skonthom, Robert Abela lanqas kien raġel biżżejjed biex ikun hu stess li jitlob ir-riżenja lil Roderick Galdes, imma staħba wara Mark Mallia, il-Kap tas-Segretarjat tal-istess Robert Abela, biex ikellem lil Galdes u jġiegħlu jirriżenja.

Qalulna li kienu sorpriżi kif skonthom, Robert Abela ma kelmux hu personalment lil Roderick Galdes, speċjalment meta Galdes kien wieħed minn dawk li dejjem ta s-sapport tiegħu lil Robert Abela.

Saħansitra wieħed minn dawk li tkellem ma’ In-Nazzjon qalilna li hu oriġinarjament kien se jivvotta lil Chris Fearne fl-elezzjoni għall-mexxej tal-Partit Laburista, imma kien Roderick Galdes stess li kellmu u kkonvinċih li aħjar jagħti s-sapport tiegħu lil Robert Abela.

“Kont nippretendi li almenu Robert kien ikellmu wiċċ imb wiċċ u jiffaċċjah mhux ikun beżżiegħ u jaħrab mill-problema, u mar jistaħba”, temm jgħidilna dan l-istess persuna.

Din l-istorja dehret f’In-Nazzjon tal-lum 26 ta’ Jannar 2026.