Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Giannino Caruana Demajo bħala Aġent President, flimkien mal-Imħallfin Anthony Ellul u Mark Simiana, naqqset multa ta’ €1,000 u li niżlitha għal €100 f’sentenza li tgħat t-Tnejn filgħodu wara appell imressaq mill-Avukat Jason Azzopardi kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati tal-4 ta’ April 2025.
B’dik is-sentenza, Dr. Azzopardi kien instab ħati li kiser il-bon ordni fil-bini tal-Qrati tal-Ġustizzja meta fit-2 ta’ Diċembru 2024, għall-ħabta tad-9.17 ta’ filgħodu, ġibed filmat fil-kuridur tal-Qorti mingħajr il-permess meħtieġ, u ġie kkundannat multa ta’ €1,000.
Il-Qorti tal-Appell diġà kienet ċaħdet l-ewwel aggravju tal-appell b’sentenza mogħtija fis-17 ta’ Novembru 2025, u f’din is-sentenza kompliet teżamina l-kumplament tal-ilmenti mqajma mill-appellant. It-tieni aggravju kien ibbażat fuq l-argument li l-proċedura kienet nulla sa mill-bidu, peress li l-allegat ksur ma seħħx waqt seduta tal-Qorti imma f’kuridur.
Il-Qorti ċaħdet dan l-ilment u spjegat li l-proċeduri kienu ttieħdu skont l-Artikolu 68 tal-Kap. 12, li jirregola l-imġiba u l-bon ordni fil-bini tal-Qrati, u li l-proċedura applikabbli kienet ġiet segwita b’mod korrett.
Fir-rigward tat-tielet aggravju, Azzopardi sostna li l-provi kontrih kienu biss ċirkostanzjali u ma laħqux il-livell ta’ prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Huwa argumenta wkoll li l-prosekuzzjoni naqset milli tressaq l-aħjar provi, fosthom il-mobile tiegħu stess u xhieda oħra relevanti.
Il-Qorti tal-Appell, wara analiżi dettaljata tal-filmati tal-kameras tas-sigurtà u tal-filmat imxandar fuq Net News, qablet mal-konklużjonijiet tal-ewwel Qorti u sostniet li l-provi kienu ċari, univoċi u wasslu għal konklużjoni waħda biss, jiġifieri li l-filmat kien ittieħed mill-avukat Azzopardi.
Il-Qorti osservat li fl-istess mumenti li fihom ittieħed il-filmat, l-unika persuna li għaddiet quddiem il-mejda fejn kien bilqiegħda l-Prim Ministru b’mobile f’idha kienet Dr. Jason Azzopardi. It-tielet aggravju, kif ukoll ir-raba’ wieħed relatat mal-argument li ma kien hemm ebda ksur tal-bon ordni, ġew miċħuda.
Il-Qorti enfasizzat li r-regoli li jipprojbixxu t-teħid ta’ ritratti jew filmati fil-bini tal-Qrati mingħajr permess huma ċari u mmirati biex jipproteġu l-privatezza, is-sigurtà, id-dekor u l-ordni f’ambjent sensittiv bħall-Qrati tal-Ġustizzja. Il-fatt li l-appellant huwa avukat u uffiċjal tal-Qorti, skont il-Qorti, kellu jfisser li kellu jkun ta’ eżempju fl-osservanza ta’ dawn ir-regoli.
Madankollu, il-Qorti tal-Appell laqgħet il-ħames aggravju, li kien jirrigwarda l-piena imposta. Filwaqt li rrikonoxxiet li kien hemm ksur tar-regolamenti, il-Qorti qieset li multa ta’ €1,000, li kienet viċin il-massimu permess mil-liġi, ma kinitx proporzjonata fiċ-ċirkostanzi tal-każ.
Il-Qorti nnotat li l-filmat kien qasir ħafna, li fih dehru persuni pubbliċi, u li minkejja li dan ma jiġġustifikax il-ksur, il-piena setgħet tkun aktar bilanċjata. Għaldaqstant, iddeċidiet li tvarja s-sentenza tal-ewwel Qorti u tnaqqas il-multa għal €100.
//= $special ?>

