Matul il-ġurnata tat-Tnejn, il-Pulizija wettqet operazzjoni mmirata lejn netwerks kriminali barranin li kienu qed joperaw f’Malta u li matulha ġew arrestati erbat irġiel u mara b’rabta mat-traffikar tad-droga, il-ħasil tal-flus u l-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.
Il-persuni kollha huma ta’ nazzjonalità Taljana u għandhom bejn i27 u 35 sena.
L-operazzjoni bdiet bi tfittxijiet fl-istess ħin f’diversi residenzi fl-Imsida, f’Tas-Sliema u fis-Swieqi.
Waqt dawn it-tfittxijiet instabu u ġew issekwestrati madwar 13-il kilo sustanzi allegatament kokaina, raża tal-kannabis u ħaxixa tal-kannabis, b’valur fis-suq ta’ madwar €250,000. Ġew issekwestrati wkoll ħwejjeġ u ġojjellerija b’valur fis-suq ta’ madwar €150,000, kif ukoll €386,715 fi flus kontanti.
Waqt din l-operazzjoni ġew issekwestrati wkoll żewġ vetturi u arma tan-nar, li iktar tard ġie kkonfermat li kienet irrappurtata bħala misruqa.
Fuq il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Monica Borg Galea, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

