Lokali

Il-Pollakki “kienu qed jieħdu ritratti” meta spiċċaw tkaxkru mill-mewġ

It-tfal Pollakki spiċċaw tkaxkru minn fuq il-moll taċ-Ċirkewwa waqt li huma kienu qed jieħdu xi ritratti. Magħhom kien hemm ukoll missierhom, li għandu 49 sena.

Dan ikkonfermah kelliem għall-Protezzjoni Ċivili, hekk kif f’dawn il-ħinijiet għadha għaddejja t-tfittxija għat-tifla ta’ 13-il sena li baqgħet ma nstabitx.

Il-każ seħħ in-naħa tas-South Quay. U l-forzi tas-salvataġġ qed jużaw anke drones biex jgħinuhom f’dawn it-tfittxijiet – li marru lil hinn minn Paradise Bay. Fil-fatt, it-tfittxijiet baqgħu sejrin mal-irdumijiet tal-Punent – anke sal-inħawi Ħad-Dingli.

Ir-Rescue Officer Mark Zammit qal li l-barranin ma kenux konxji tat-twissija li ħarġu l-awtoritajiet Maltin minħabba l-maltemp u r-riħ qawwi tal-aħħar sigħat.

Il-missier irnexxilu jsalva mill-mewġ; għalkemm kellu xi feriti f’saqajh. Hu ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura – iżda issa irritorna fil-lukanda, fejn jinsab taħt osservazzjoni.

It-tifel l-ieħor, li għandu 17-il sena, ma weġġax.

Catriel Farrugia Sghendo