Lokali Qorti

Il-Pulizija b’xahar żmien biex taġġorna lill-Qorti dwar tfittxija għal Jeremy Harbinson

Il-Kummissarju tal-Pulizija ngħata xahar żmien sabiex jaġġorna lill-Qorti dwar l-istat tal-investigazzjonijiet li għaddejjin biex jinstab Jeremy Harbinson, l-espert ewlieni li mexxa l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. L-ordni ngħatat mill-Maġistrat Lara Lanfranco waqt seduta oħra relatata mal-proċeduri tal-inkjesta Vitals.

Dan ħareġ waqt seduta li saret dalgħodu, li matulha komplew il-proċeduri marbuta mal-inkjesta, fost oħrajn kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat. Il-każ għadu fl-istadju tal-kumpilazzjoni tal-provi, li qed jitwalu minħabba n-nuqqas ta’ xhieda minn Harbinson.

Matul is-seduta, l-avukati tad-difiża Vince Galea u Franco Debono sostnew li d-drittijiet tal-akkużati għal smigħ xieraq qed jinkisru minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri. Huma argumentaw li dan qed iseħħ minħabba r-rifjut persistenti ta’ Jeremy Harbinson li jixhed u minħabba li l-prosekuzzjoni mhix tagħlaq il-kumpilazzjoni tal-provi. Saħqu li, peress li l-Qorti tal-Maġistrati m’għandhiex is-setgħa li timponi terminu fuq il-prosekuzzjoni biex tagħlaq il-kumpilazzjoni, l-akkużati se jkollhom ifittxu rimedji legali oħra.

L-avukat Franco Debono sostna wkoll li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ressaq l-akkużi b’għaġla żejda, fi żmien ġimgħa mill-pubblikazzjoni tal-inkjesta, kontra numru kbir ta’ persuni li sussegwentement ġew soġġetti wkoll għal freezing orders. Skontu, din is-sitwazzjoni wasslet għall-iżviluppi attwali fil-proċeduri u żied li, fl-aħħar mill-aħħar, se jkollha ssir talba biex l-inkjesta titneħħa mill-provi.

Min-naħa tiegħu, l-avukat Jason Grima talab biex il-freezing orders jitneħħew, fid-dawl tal-fatt li Jeremy Harbinson qed jibqa’ jirrifjuta li jixhed u li dawn il-miżuri, skont id-difiża, qed joħolqu ħsara serja u sproporzjonata lill-akkużati.

Is-seduta li jmiss f’dan il-każ hija skedata li ssir fis-26 ta’ Frar.