Id-diżgwid intern u n-nuqqas ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela dejjem qed jiżdiedu. Dan hekk kif it-tmexxija Laburista l-anqas qed taqbel fuq il-politika internazzjonali.
Wara li Robert Abela ddikjara illi għandu stedina informali biex Malta tkun parti mill-Bord tal-Paċi ta’ Donald Trump – irrespettivament mill-pożizzjoni Ewropea – issa ħarġu l-esponenti Laburisti jfakkruh dwar l-għeruq tal-Partit Laburista. U kien propju l-President tal-Labour Alex Sciberras, li f’post fuq il-midja soċjali spjega kif – skont hu – il-moviment Laburista twieled mill-idea li Malta qatt ma għandha tkun suġġetta jew parteċipi fil-politika tal-forza.
Huwa spjega li l-Maltin iġġieldu għan-newtralità u dejjem kienu fuq in-naħa tal-popli li ġew imċaħħda mid-dinjità u d-dritt li jiddeterminaw id-destin tagħhom. U skont Sciberras, xhieda ta’ dan huwa l-pożizzjoni tal-Maltin mal-poplu Palestinjan.
Il-President tal-Labour spjega li din l-istorja mhux biss simbolika imma parti mill-identità tagħna u tiddefinixxi kif nifhmu l-paċi.
B’post persuni jikkummentaw taħt il-post ta’ Sciberras dwar il-fatt li din kienet botta mhux daqstant sottili fil-konfront tal-mexxej tiegħu Robert Abela, filwaqt li oħrajn staqsew dan kienx kumment ta’ stmerrija għall-fatt li Abela għamel il-Gvern, “wieħed bla prinċipji u li jrid jinvolvi ruħu ma’ assassini li jridu jbellgħulna l-paċi bir-ross u l-labra”.
Anke d-Deputat Rettur tal-Università ta’ Malta Carmen Sammut iddikjarat b’mod mill-aktar ċar li sħubija fil-bord li ħoloq Trump mhix fl-interess tal-poplu. “Le, mhux fl-interess tal-poplu, anzi tradiment assolut għal dak li aħna bħala poplu”.
Sammut spjegat li pajjiżna, minn wara l-Indipendenza, żamm l-interessi reġjonali l-ewwel u qabel kollox inkluż il-poplu Palestinjan. Fejn staqsiet kif il-Gvern se jkun qed jispjega lill-poplu Malti u Għawdxi, li l-Gvern tiegħu se jkun qed joħroġ mal-biljun dollaru u jagħtih lil Donald Trump.
Carmen Sammut kompliet billi qalet li dan il-bord mhux wieħed tal-paċi imma kompliċi ta’ inġustizzja storika.
Id-Deputat Rettur tal-Università ta’ Malta spiċċat billi tenniet li ma għandhomx ikunu biss dawk li jagħmlu l-liġi li jagħtu l-pariri lill-Gvern imma l-Gvern għandu jħoss il-polz tal-poplu.
Fejn spiċċat billi appellat lil Robert Abela sabiex “jieqaf jimminimizza l-poter tal-votanti”.
Il-bord tal-paċi
Fi kliem il-President Donald Trump, il-bord tal-paċi qed jimmira li jippromwovi l-paċi u stabbiltà f’Gaza bi Trump ikun fit-tmun ta’ dan il-bord.
Rapporti internazzjonali qed jirrapportaw li Trump qed isib diffikultà kbira sabiex l-Ewropej jaċċettaw l-istedina għal siġġu fuq dan il-bord, li kien stabbilit ftit tal-ġranet ilu fl-Iżvizzera.
B’dawn l-istess rapporti jispjegaw li l-bord ra l-appoġġ tal-mexxejja tal-Lvant Nofsani, l-aħħar dittatur tal-Ewropa u minn tal-inqas mexxej wieħed li huwa mfittex għall-allegat kriminalitajiet tal-gwerra.
Il-lista ta’ pajjiżi li aċċettaw li jkunu f’dan il-bord huma fost l-oħrajn it-Turkija mmexxija minn Erdogan, l-Eġittu, il-Pakistan u l-Kazakhstan, flimkien anke mal-Ungerija mmexxija minn Viktor Orban.
Minn naħa l-oħra, il-pajjiżi Ewropej li ma aċċettawx l-istedina għal dan il-bord kienu Franza, il-Ġermanja, l-Italja u s-Slovenja. Dan filwaqt li hemm anke l-Iżvezja, u r-Renju Unit.
//= $special ?>

