Lokali

“Irrifjutaw l-istedina” – Il-KSU iwissi lill-Prim Ministru dwar il-Bord tal-Paċi

Irrifjutaw l-istedina.

It-Tnejn, il-Prim Ministru ddikjara li Malta rċeviet stedina informali biex tingħaqad mal-Bord tal-Paċi. Malta għadha ma tatx risposta dwar jekk hux se tingħaqad jew le, peress li l-Prim Ministru qal li s-sħubija se tiġi deċiża abbażi tal-interess nazzjonali.

“Kwalunkwe deċiżjoni li tmur lil hinn minn ċaħda ta’ din l-istedina tkun tradiment tal-interess nazzjonali ta’ Malta fix-xena internazzjonali”.

Dan intqal fi stqarrija li ħareġ il-Kunsill tal-Istudenti Universitarji fuq Facebook fejn spjegaw li ċ-chairman tal-Bord huwa l-President tal-Istati Uniti Donald Trump, mexxej ta’ amministrazzjoni li mhux biss hedddet lill-istati membri tal-UE permezz ta’ tariffi, iżda wkoll iffinanzja u appoġġja r-reġim li wassal għall-qerda ta’ Gaża u għall-ġenoċidju tal-poplu Palestinjan.

Agħar minn hekk, il-Bord għandu wkoll fergħa militari. Dan iqajjem il-prospett ta’ alleanza selettiva li tista’ taġixxi lil hinn mill-mandat attwali tan-NU.

Li jingħata isem Malta lil din l-inizjattiva mmexxija mill-Istati Uniti, li fost il-membri tagħha hemm Iżrael u r-Russja, jirrappreżenta tradiment ta’ dak li jemmen fih il-poplu ta’ dan il-pajjiż.

Barra minn hekk, dan imur kontra l-ispirtu tal-Kostituzzjoni tagħna, li tgħid li “Malta hija stat newtrali li tfittex b’mod attiv il-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali fost il-ġnus kollha.”

Issa huwa f’idejn il-Prim Ministru u l-Gvern li jagħmlu dak li hu ġust billi jibqgħu sodi f’isimna u jiddefendu l-prinċipji ta’ Malta. Irrifjutaw l-istedina.