Internazzjonali

It-tensjoni fl-Istati Uniti: Il-Gvern ta’ Trump jirreaġġixxi b’kawtela għar-rabja dwar il-qtil f’Minnesota

Il-Gvern immexxi mill-President Amerikan Donald Trump naqqas ħafna mit-ton aggressiv oriġinali li bih kien qed jirrispondi għall-qtil ta’ raġel (infermier) taħt idejn l-aġenti federali tal-ICE għall-ħarsien tal-immigrazzjoni… Qtil li rriżulta mill-inċident ta’ nhar is-Sibt f’Minneapolis, fl-Istat ta’ Minnesota.

Il-White House u l-membri tal-Gvern, għall-bidu, iġġustifikaw l-azzjoni li swiet il-ħajja ta’ Alex Pretti bħala ‘il-qtil ta’ terrorista domestiku li kien qed ixejjer arma tan-nar’. Iżda huma, issa, qed iħossu l-pressjoni ta’ poplu rrabjat għall-aħħar u li qed jirrifjuta din il-versjoni dwar l-inċident li xokkja lill-pajjiż u lid-dinja.

Fil-fatt, aktar ma bdew jiċċirkulaw videos tal-isparatura f’Minneapolis – fejn Pretti spiċċa jaqla’ għaxar tiri waqt li kien mal-art – beda jidher aktar ċar li l-versjoni tal-Gvern u l-awtoritajiet federali ‘stunat bil-kbir’ ma’ dak li setgħu jaraw il-miljuni tal-Amerikani u kulmin uża l-mezzi online biex jaġġorna ruħu dwar il-każ xokkanti.

Issa, il-Gvern Amerikan u l-President Trump qegħdin iwaħħlu fid-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni għall-azzjonijiet li rriżultaw fil-mewt ta’ Pretti.

Min-naħa tagħhom, id-Demokratiċi żiedu l-kritika u kundanna għall-politika ta’ Trump rigward id-deportazzjonijiet tal-massa mill-Istati Uniti….Kundanna li d-Demokratiċi rriservaw ukoll għat-tattiċi aggressivi li qed jużaw l-aġenti tal-ICE f’Minneapolis u fi bnadi oħrajn tal-pajjiż.

Is-sitwazzjoni politika tant saret taħraq li, sa nhar il-Ġimgħa, kapaċi jseħħ shutdown ieħor għall-Gvern tal-Istati Uniti. Dan meta d-Deputat Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Todd Blanche, qed ifisser is-sitwazzjoni bħala ‘kamra tan-nar lesta biex tisplodi’.

Is-sitwazzjoni, fil-verità, saret ferm perikoluża wara li s-Segretarju  Amerikan għall-Homeland Security, Kristi Noem, ħarġet tgħid ‘uffiċjalment; li Alex Pretti – persuna rispettata minn kulħadd – ‘kellu l-ħsieb li jaggredixxi lin-nies’ . Dan waqt li Gregory  Bovino, il-Kmamndant tal-US Border Patrol, sostna, fost oħrajn, li ‘l-individwu inkwistjoni (Pretti) ried jimmassakra lill-aġenti tal-ICE għall-infurzar tal-liġi’.

Madankollu, jidher, issa li Bovino ingħata direttiva speċifika biex jitlaq minn Minneapolis, fost is-sinjali li l-White House irid jitbiegħed minn konfrontazzjoni mal-poplu Amerikan.

Fl-istess ħin, il-Gvern federali qed jidher urtat dwar il-kritika bla riservi mill-miljuni tal-Amerikani, bi Stephen Miller, il-konsulent ewlieni tal-President, ikompli jirreferi għal Alex Pretti bħala ‘assassin potenzjali’.

Madankollu, Karoline Leavitt, is-Segretarju Stampa tal-White House  u li, is-soltu, dejjem tiddefendi l-aġir ta’ Trump u tal-Gvern, ma qalet xejn meta l-media staqsewha jekk il-President tal-Istati Uniti jaqbilx mad-diskors ta’ Stephen Miller.

Minflok, Leavitt qalet li għandha ssir investigazzjoni sħiħa dwar l-aħħar inċident qattiel f’Minneapolis.

L-aggressività mill-White House, sadanittant, hi ħafna anqas minn ta’ ftit ġimgħat ilu, meta aġent tal-ICE – ukoll f’Minneapolis –qatel mara, Renee Good, waqt li hi kienet qed issuq ‘il hinn minn checkpoint tal-aġenti federali.

Ftit wara l-qtil, Donald Trump u diversi uffiċjali tal-Gvern kienu ħarġu diversi stqarrijiet li l-mara kienet ‘terrorista domestika li użat il-vettura tagħha bħala arma biex tattakka lill-aġent li sparalha biex jiddefendi ruħu’.

Intant, l-uffiċjali lokali f’Minneapolis mal-ewwel ċaħdu għal din il-versjoni dwar il-qtil ta’ Good bħala ‘waħda bażata il-qlajjiet u misinformazzjoni’.

Fi żviluppi oħra, il-ġenituri ta’ Alex Pretti, mill-ġdid, appellaw biex toħroġ il-verità dwar il-qtil ta’binhom u fejn ikkundannaw ‘il-gideb sfaċċat mill-Amministrazzjoni dwar l-aħħar minuti fil-ħajja tal-infermier’.