It-tfittxija għat-tifla ta’ 13-il sena baqgħet għaddejja matul il-lejl u se tkompli matul il-ġurnata.
Dan ikkonfermah id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili ma’ NetNews hekk kif spjega li l-operazzjoni tas-CPD ma waqfet fl-ebda ħin matul il-lejl.
Huwa spjega li fil-post, reġa’ qed jintuża’ ħelikopter mill-Forzi Armati, dan filwaqt li issa anke ħarġu xi laneċ fuq il-baħar sabiex ikomplu bit-tfittixijiet għat-tifla li waqgħet il-baħar fiċ-Ċirkewwa għall-ħabta tas-6 tat-Tnejn filgħaxija.
Id-Direttur Peter Paul Coleiro spjega lil din il-kamra tal-aħbarijiet illi l-Forzi se jkunu qed japprofittaw ruħhom mid-dawl ta’ filgħodu bit-tama li jsibu lil din it-tifla.
Dan filwaqt li spjega, illi ġaladarba r-riħ jinsab lejn il-kosta, hemm ċans li din it-tifla tinsab mal-blat jew taħt l-ilma viċin l-art.
Intant, fi stqarrija, l-Forzi Armati ta’ Malta spjegat illi tard bil-lejl, it-tfittixija mill-armata waqqfet. Filwaqt li spjegat illi l-kundizzjonijiet tat-temp ħżiena għadhom joħolqu sfidi sinifikanti għall-ekwipaġġi nvoltui.
Iżda minkejja dawn id-diffikultajiet, it-tfittxijiet komplew mal-ewwel dawl tal-jum.
Il-Protezzjoni Ċivili spjegat illi huma 4 l-ekwipaġġi minn naħa tagħhom li qed jassistu f’din l-operazzjoni.
Aktar dettalji malli jaslulna
Aktar kmieni
Kienu għall-ħabta tas-6 tat-Tnejn filgħaxija meta tifla, flimkien ma’ ħuha waqgħu fil-baħar f’Paradise Bay fiċ-Ċirkewwa.
Fil-pront, missier it-tfal, bit-tama li jsalva lill-uliedu niżel fl-ilma u rnexxielu jgħin lill-ibnu, fejn fil-proċess anke sofra xi ġrieħi. Sfortunatament, il-missier ma rnexxielux isalva lil bintu bil-konsegwenza li t-tifla tkaxkret mill-mewġ.





