Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Starlites Revive jikkonfermaw l-ewwel post qabel il-waqfa għan-Knock-out

(Ritratt: Vanya Baldacchino )

Colin Schembri

Hibernians………………..77

The Plaza Depiro……..73

(19-10)(19-23)(19-17)(20-23)

Hibernians żammew il-mixja tagħhom wara l-leaders Starlites b’rebħa diffiċli kontra The Plaza Depiro f’partita li baqgħet missielta sal-aħħar minuti. Il-Pawlisti kienu aktar effettivi fiż-żona (48 punt kontra 34) u żammew kważi l-partita kollha (39 minuta). Minkejja li Depiro kellhom aktar punti mill-bank (30 kontra 21) u rebħu l-fast breaks (25 kontra 19), Hibs wrew aktar stabbiltà fl-aħħar u għarfu jagħlqu l-logħba favur tagħhom. Hibs kellhom lil Vido Kustudija minflok Luke Attard filwaqt li għal Depiro ġew lura Trevon Reddish u Luca Stefanovic. Hibs ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 8-3 bil-punti ta’ Piotr Stelmach u Elijah Simmons. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Reddish u naqqsu d-distakk għal punt qabel ma kien hemm trippla fuq kull naħa. Hibs komplew b’run ta’ 8-0 biex fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti 19-10. Fit-tieni taqsima Depiro naqqsu d-distakk għal 5 punti u ż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin għal xi ħin għal skor ta’ 29-21. Depiro komplew jagħfsu permezz ta’ Nikola Bozovic u Reddish hekk kif Hibs tilfu lil Slelmach bil-ħames foul. Matthew Gouder għamel trippla għal Hibs flimkien ma’ Deonte Jackson però Felic Uadiale għamel l-aħħar punti ta’ Depiro għal skor ta’ 38-33.

Wara l-intervall, Hibs bdew bi break ta’ 8-0 bi trippla ta’ Jackson. Ir-risposta ta’ Depiro wkoll ġiet minn trippla minn Jean Paul Schembri u Reddish għal skor ta’ 37-45. Wara tlett baskets fuq kull naħa, Depiro kellhom trippla minn Bozovic u kellhom aktar possibilitajiet li jnaqqsu l-iskor però fallew xi free-throws biex Hibs għalqu s-sessjoni sebgħa minn fuq 57-50. Fl-aħħar taqsima l-partita sbieħet aktar bil-Hibs ikabbru l-vantaġġ bi trippla ta’ Gouder flimkien ma’ Simmons u Demcesen. Stefanovic ukoll għamel trippla għal Depiro flimkien mal-punti ta’ Uadiale biex Depiro baqgħu 8 punti taħt l-avversarji. Depiro kellhom mument tajjeb fejn waslu sa’ 3 punti ‘l bogħod wara run ta’ 8-0 bi trippla ta’ Bozovic u Uadiale. Hibs kellhom 4 punti minn Ajiboye u Demcesen u minkejja l-aħħar trippla minn Galea, Hibs ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 77-73.

Hibernians: N. Cassar 3, E. Simmons 11, A. Ajiboye 4, L. Farrugia, P. Stelmach 6, V. Kustudija, M. Gouder 12, D. Jackson 22, M. Attard, T. Gjurovski, I. Demcesen 18, S. Simic 1.

The Plaza Depiro: S. Galea 6, T. Reddish 18, J. Micallef, N. Zivkovic, L. Stefanovic6,  JP Schembri 3, A. Trapani, C. Cornelius 2, F. Uadiale 24, N. Bozovic 14.

Referees: Nestor Rincon, Fiorentina Ciurariu, Andre Attard

.

Athleta…………………………….77

Starlites Revive…………….122

(18-22)(11-31)(28-34)(20-35)

Starlites Revive kisbu rebħa kbira ta’ 122–77 kontra Athleta AtoZ f’logħba li fetħet b’distakk kmieni u li kompla jikber sa’ tmiem il-partita. Id-differenza dehret fil-produzzjoni offensiva, bi Starlites jagħlqu b’persentaġġ ta’ 65% fis-shooting ta’ żewġ punti u 38% mit-three point line, filwaqt li kellhom ukoll vantaġġ ċar fil-fast breaks (47 kontra 27) u fil-punti mill-bank (32 kontra 10). Athleta sabu ruħhom kważi dejjem minn taħt, b’4 punti biss minn turnovers u b’ħin bil-vantaġġ limitat ħafna, fatturi li ma ħallewhomx jibqgħu kompetittivi kontra r-ritmu u l-fond ta’ Starlites. Athleta kellhom id-debutt ta’ Orlando Little filwaqt li Starlites irkupraw lil Alec Felice Pace u Jackson Threadgill però kien nieqes Kai Fabri. Kienu Athleta li ħadu l-ewwel vantaġġ b’żewġ baskets ta Little però Starlites kellhom risposta b’run ta’ 8-0 bi trippla ta’ Matthew Scerri. Little kompla bi trippla għall-Athleta li reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 16-15. Hawn Starlites għamlu seba’ punti oħra bi trippla ta’ Scerri biex temmew it-taqsima 22-18 minn fuq. Starlites bdew ikabbru l-vantaġġ fit-tieni perjodu fosthom bi break ta’ 13-0 bi tlett trippli wara xulxin, 2 ta’ Threadgill u oħra ta’ Miguel Fabri. Athleta kellhom il-punti ta’ Little u trippla ta’ Saba Ebelashvili però Starlites komplew jagħfsu u trippla ta’ Jayden Iturmendi u punti minn Ian Felice Pace u Travis Fee rawhom jidħlu jisrieħu minn fuq 53-29.

Fit-tielet perjodu, kien hemm mument bilanċjat meta l-baskets bdew ġejjin fuq iż-żewġ naħat bi Starlites però jkollhom it-trippli ta’ Fee u Musa Jallow. Athleta wieġbu bi three pointers minn Vitale u Isaac Bonett però fis-seba’ minuta Starlites kienu 25 punt minn fuq 75-50. Il-punti komplew ġejjin b’mod regolari kemm minn Alec Felice Pace, Iturmendi u Scerri għal Starlites u Little, Vitale u Bonnet għal skor ta’ 87-57. L-aħħar taqsima fetħet b’run ta’ 16-0 minn Starlites bi trippli mill-aħwa Felice Pace li rawhom jagħqqdu l-mitt punt fit-tieni minuta. Vitale u Juan Cefai wieġbu għall-Athleta hekk kif il-punteġġ kompla jikber b’mod regolari. Ir-riżultat iżda kien deċiż grazzi għall-vantaġġ li kellhom il-players ta’ Paul Ferrante għal skor finali ta’ Athleta 77 Starlites 122.

Athleta AtoZ: K. Fabri 2, M. Duffy 5, S. Ebelashvili 14, R. Vitale 18, I. Bonnett 7, M. Spiteri, L. Borg 2, O. Little 23, J. Cefai 6.

Starlites Revive: A. Felice Pace 13, T. Fee 22, I. Felice Pace 13, M. Fabri 8,  Z. Said Hollier, M. Scerri 17, J. Iturmendi 14, J. Threadgill 24, G. Camilleri,  M. Jallow 11.

Referees: Nestor Rincon, Jacques Siefert, Miguel De Flavia.

Valletta Dream……………………….78

Luxol Sherries Estates…………..96

(15-26)(24-25)(22-25)(17-20)

Luxol Sherries Estates kisbu rebħa mportanti fuq Valletta biex baqgħu jissieltu għal post fil-play-offs. Il-kampjonat issa jagħmel wisa’ għal kompetizzjoni tan-Knock-out fejn dawn iż-żewġ timijiet se jerġgħu jiltaqgħu nhar il-Ħadd li ġej fl-ewwel kwarti finali qabel it-tieni waħda bejn Athleta u Hibernians. Luxol kienu fuq quddiem tul il-partita kollha fejn għamlu 36 punt minn fast breaks u l-bank kellhu kontribut ta’ 24 punt. Luxol kellhom persentaġġ għoli mill-free-throw line (77%) fil-waqt li Valletta kienu aħjar mit-trippli – 38% kontra l-21% ta’ Luxol. Valletta kienu mingħajr Clayton Debono u Matteo Rieger filwaqt li Luxol irkupraw lil Nikola Vasovic u Stefan Cappello u inkludew għall-ewwel darba lil Cinar Cog. Luxol kellhom bidu tajjeb bit-trippli ta’ Darron Howard u l-punti ta’ Xavier Brewer u Isaac Azzopardi u marru 16-2 minn fuq. Valletta wieġbu b’run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Ferdinand Lisondra u naqqsu d-distakk għal seba’ punti. Luxol reġgħu għamlu run ta’ 8-3 bil-punti kollha jiġu minn Jayden Johnson għal skor ta’ 15-26 fi tmiem l-ewwel sessjoni. Fit-tieni perjodu, wara punti minn Brewer u Johnson, Valletta kellhom punti minn Myles Roper u trippla ta’ Albert Varcallo għal skor ta’ 30-35. Għal xi ħin id-distakk ma nbidilx però lejn tmiem it-taqsima, Luxol kellhom mument posittiv bi break ta’ 10-2 maqsum bejn Brewer, Howard u Adam Azzopardi u daħlu jistrieħu 51-39 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, wara l-ewwel basket ta’ Valletta minn Luca Vella, kien hemm ir-risposta ta’ Luxol minn Howard u Brewer. Iż-żewġ timijiet komplew iwieġbu lil xulxin b’Valletta jersqu viċin bi trippli ta’ Ferdinand Lisondra u Stefan Vincic fil-waqt li Howard u Brewer komplew jiksbu l-punti tal-vjola. It-taqsima għalqet bi trippla fuq kull naħa minn Varcallo u Howard għal skor ta’ 61-76. Luxol fetħu l-aħħar taqsima bi break qasir ta’ 7-2 li rahom jiftħu vantaġġ ta’ 20 punt fir-raba’ minuta 83-63. Valletta ppruvaw jirkupraw mill-ġdid bit-trippli ta’ Varcallo u Lisondra però kif reġgħu naqqsu d-distakk kien hemm ir-risposta ta Luxol minn Brewer, Mark Iloube u trippli ta’ Miguel Brincat u Howard biex Luxol ħarġu rebbieħa 96-78.

Valletta Dream: F. Mifsud Bonnici 3, L. Vella 6, S. Vincic 8, M. Roper 30, F. Lisondra 14, A. Varcallo 17.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 40,  C. Cog, A. Azzopardi 4, I. Azzopardi 4, N. Vasovic 2, J. Johnson 16, M. Brincat 3, M. Iloube 2, X. Brewer 25, S. Cappello, S. Marra, E. Fenech Pace.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Wendell Lin, Fiorentina Ciurariu