Internazzjonali

L-UE-Indja: Konkluż ftehim kummerċjali wara snin ta’ negozjati

 

L-Unjoni Ewropea u l-Indja ħabbru uffiċjalment li konkludew ftehim kummerċjali storiku wara kważi 20 sena ta’ taħditiet u negozjati….Dan meta Brussell u New Delhi qed jaħsbu biex jikkonsolidaw ir-rabtiet fi żmenijiet ta’ tensjoni kbira mal-Istati Uniti.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, li marret apposta fi New Delhi, esprimiet sodisfazzjon għal ‘wieħed mill-aqwa ftehim’ li rnexxilha tikkonkludi l-UE.  Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi, fisser il-patt bħala wieħed ‘storiku u sinifikanti fid-dawl tal-bidliet ġeopolitiċi’.

Il-ftehim jippermetti għall-moviment ħieles ta’ prodotti bejn l-Unjoni ta’ 27 Stat u l-Indja – il-pajjiż bl-akbar popolazzjoni tad-dinja – u li flimkien jikkostitwixxu kważi 25 fil-mija tal-GDP ( Prodott Gross Domestiku) globali… F’dan il-każ suq enormi magħmul minn żewġ biljun persuna.

Il-ftehim jesiġi wkoll għall-qtugħ sostanzjali fit-tariffi għal varjetà ta’ prodotti u servizzi – kif ukoll għal partnership tas-sigurtà konġunt.

Jakkumpanja lil von der Leyen f’Delhi kien hemm anki l-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa.

Sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ftehim għandu jelimina t-tariffi fuq l-esportazzjoni tal-parti kbira tal-kimiċi u tagħmir elettroniku – kif ukoll fuq l-ajruplani u l-inġeni tal-ispazju.

Hi wkoll sinifikanti l-konferma li d-dazju fuq il-muturi għandu jinżel minn 110 sa għaxra biss fil-mija taħt kwota ta’ 250,000 vettura.

L-Indja wkoll għandha tnaqqas sew it-tariffi fuq l-imbejjed, il-birra u żejt taż-żebbuġ li timporta mill-pajjiżi tal-UE.

Dan waqt li l-uffiċjali fi Brussell sostnew li l-ftehim mal-Indja, fuq kollox, għandu jappoġġja l-inizjattivi għall-investiment minbarra li jżid l-aċċessi tal-Indja għas-swieq Ewropej…. Żvilupp li anki, fost oħrajn, isaħħaħ is-sistemi ‘integrati’ għall-movimenti tal-prodotti u s-servizzi.