It-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, presedut mill-Maġistrat Charmaine Galea, ċaħad appell imressaq minn Stephen Cilia kontra deċiżjoni tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta li rrifjutatlu t-tiġdid tal-permess ta’ xufier ta’ vetturi żgħar għall-ġarr ta’ passiġġieri.
Il-każ kien joriġina minn deċiżjoni meħuda minn Transport Malta f’Awwissu 2024, ikkonfermata f’Settembru tal-istess sena, li biha ġie deċiż li Cilia ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni u kondotta tajba skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68.
Ir-rifjut kien ibbażat fuq kundanna kriminali tal-2013, ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell fl-2018, relatata ma’ korruzzjoni ta’ minorenni u parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ persuna minuri. Fir-rikors tiegħu, Cilia sostna li d-deċiżjoni kienet inġusta, irraġjonevoli u sproporzjonata, li ksuritlu d-drittijiet fundamentali u li kellha tiġi evalwata wkoll minn aspett umanitarju, peress li l-liċenzja kienet il-mezz ta’ għajxien tiegħu.
Huwa argumenta li matul is-snin offra servizz tajjeb bħala xufier u li kellu kundizzjoni medika li tagħmilha diffiċli biex jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni. Min-naħa tagħha, l-Awtorità għat-Trasport f’Malta sostniet li d-deċiżjoni tagħha kienet waħda skont il-liġi u li r-Regolamenti applikabbli ma jħallu ebda diskrezzjoni meta applikant ikun instab ħati ta’ reati elenkati fir-Regolament 9 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68.
L-Awtorità argumentat ukoll li l-allegazzjonijiet dwar ksur ta’ drittijiet fundamentali jaqgħu barra mill-kompetenza tat-Tribunal. Fil-fehma tiegħu, it-Tribunal irrileva li m’għandux kompetenza jiddeċiedi dwar allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali, u l-anqas jista’ jiddeċiedi każijiet fuq bażi umanitarja biss.
Il-Qorti saħqet li l-irwol tagħha huwa li tiddetermina jekk id-deċiżjoni amministrattiva kinitx skont il-liġi jew le. It-Tribunal osserva li r-reati li dwarhom Cilia kien instab ħati jaqgħu espressament taħt ir-reati elenkati fir-Regolament 9, u li f’dawn iċ-ċirkostanzi kemm l-Awtorità kif ukoll it-Tribunal huma marbuta bil-liġi u m’għandhom ebda diskrezzjoni biex japprovaw jew iġeddu permess ta’ xufier.
Għaldaqstant, it-Tribunal iddeċieda li d-deċiżjoni ta’ Transport Malta ma kinitx inġusta, irraġjonevoli jew sproporzjonata, u ċaħad l-appell ta’ Stephen Cilia, bl-ispejjeż kontra tiegħu.
//= $special ?>

