Opinjoni

Opinjoni: Qatt iktar!

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

Illum, is-27 ta’ Jannar, hija ġurnata li niftakru. Infakkru lilna nfusna fix-Shoah. Niftakru fid-diversi bnedmin li tilfu ħajjithom maqtula fil-kampijiet varji tal-konċentrament li ħoloq ir-reġim Nażista. Bena postijiet apposta sabiex jelimina l-Lhud u magħhom diversi persuni oħra li sabu ruħhom hemm għal xi raġuni jew oħra.
Dik li sejħu bħala ‘s-soluzzjoni finali’ kienet marbuta ma’ kif tista’ toqtol bnedmin bħalek, ħatja biss li twieldu Lhud, bl-iktar mod veloċi u sistematiku. Kif tiġborhom mit-truf tal-Ewropa dominata u teħodhom mingħajr ebda forma ta’ proċess sabiex jew iservu, jew aktar, jinqatlu. Ħolqu metodi mill-iktar kiefra li ebda żmien qabel ma kien ra dan il-mod ta’ kif toqtol u tneħħi kull forma ta’ dinjità lil dawk miġbura fihom.

Paġna kerha
Dak li seħħ fuq ordnijiet tar-reġim Nazista jibqa’ fost l-iktar paġni koroh tal-istorja tal-umanità. Qatt qabel ma kien hemm, u dawk li raw quddiemhom, inkella li kienu preżenti jew li qraw dak li kitbu dawn, fil-fatt jibqgħu jiddikjaraw hekk għalina. Huwa minnu li dawn il-kampijiet tal-konċentrament ftit kienu jafu bihom, imma kien hemm żgur dawk li raw diversi Lhud jinġabru u jittieħdu hemm.
Tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija kixef dik il-verità u r-realtà li qabel kienu mistura. Wera quddiem, fuq naħa l-forzi Sovjetiċi, u fuq l-oħra dawk Alleati; xeni li trid tmur lura tara d-dokumentarji li nġibu biex tifhem. Tifhem li kien hemm sistema li biha, mingħajr rispett, dawk li jidħlu fil-kampijiet kienu jiġu magħżula. Jaraw jekk humiex tajbin għax-xogħol. Jekk le jiġu maqtula immedjatament jew mibgħuta fil-kmamar tal-gass jew vannijiet, u wara kkremati.

Dawk li ħadmu
Dawk li tħallew ħajja batew pwieni gravi oħra. Ħadmu f’kundizzjonijiet mill-iktar iebsa, ġew trattati ħażin. Baqgħu jiftakru u ma setgħux ineħħu mill-memorja tagħhom dak kollu li għaddew minnu.
Ħafna baqgħu fil-muta, fis-silenzju, wieqfa għall-ħajja, ma jistgħux jaċċettaw dak li għaddew minnu. Oħrajn wara għamlu l-isforz li jiktbu dak li messew direttament huma u oħrajn li kienu madwarhom. Fid-diffikultajiet umani ta’ persuni li spiċċaw jiġġudikaw lilhom infushom wara fid-debbulizzi li messew magħhom. Dak li wettqu biex baqgħu ħajjin. Dak li raw iseħħ madwarhom minn oħrajn. Fid-diffikultà li wieħed jipprova jifhem kif bnedmin oħra setgħu jinkarnaw il-ħażen innifsu sħiħ u jeżerċitawh fuq oħrajn. Ħdura umana li ’l hekk imsejħa ‘S.S.’ esprimew speċjalment mal-Lhud u ma’ oħrajn. Dak li fil-fatt il-lemin estrem sarraf fil-qalb tal-bnedmin.

Kull sena
Biex inkun ċert li ebda sena ma ninsa dan, jien ukoll nipprova nassigura li naqra ktieb mid-diversi li dawn il-bnedmin irrakkontaw. Verament nikteb fi proċess ta’ riflessjoni, imma fl-għarfien ċert li dmiri huwa li nkun vuċi kontra dak li oħrajn jistgħu jidħlu għalih mingħajr ma jafu fejn sejrin.
Trid iżżomm ruħek magħhom fis-sofferenzi u d-dmugħ li għaddew minnu u nħoss li l-qari huwa l-aqwa eżerċizzju u l-iktar veru u awtentiku. Din is-sena qrajt il-ktieb Vangelo nei Lager ta’ Don Roberto Angeli (1913-1978). Saċerdot Kattoliku li kien preżenti ma’ diversi jgħin sabiex jipproteġi lil-Lhud u jsostni lil dawk li kienu attivi fil-livelli varji tar-reżistenza. Missieru wkoll, magħruf bħala ‘In-Nannu’, kien fost il-partiġjani, diġà ultra attiv. Bniedem ta’ intelliġenza kbira, li ma’ dan il-ktieb ħalla warajh ukoll lezzjonijiet sabiex il-Kattoliċi jifhmu kif għandhom jieħdu sehem attiv u dirett fil-politika.

Roberto Angeli
Il-ktieb huwa differenti minn dawk miktuba minn kittieba Lhud. Mhux għax ingħata trattament differenti fil-kampijiet li fihom ġie mibgħut: Fossoli, Mauthausen u Dachau, imma għax hemm aspett ieħor. Kien saċerdot li sab ruħu ma’ saċerdoti oħra fejn il-mira fis-sofferenza kienet dejjem ispirata minn altruwiżmu qawwi u kontinwament erojku. Diversi reliġjużi nġabru u ġew imsawta. Hemm is-suldati tal-S.S. kellhom fil-fatt ħdura superjuri għalihom. Kienu jagħrfu li l-Kattoliċeżmu kien jirreżisti n-Naziżmu fl-għeruq u x-xniexel tiegħu u kien alternattiva vera għall-kontra.
Huwa jiddeskrivi kjarament kif ġie trattat, l-atroċitajiet li sab ruħu fihom. Kif tara oħrajn ukoll miegħu fl-elenku ta’ reliġjużi li mietu u li għaddew mill-istess proċess. Finalment salva u assigura li jikteb dwar dak li esperjenza. Imma fil-fatt f’qalbu kellu dejjem il-boxxla morali li ma abbandunatux anke jekk kien il-bniedem, li bħal oħrajn, tneħħietlu kull dinjità.

Taqrah
Meta tmiss il-qiegħ nett tħoss sens kbir ta’ vojt uman. Imma l-awtur, fil-fidi, imiss realtà oħra. Huwa jikteb għalina wkoll biex fil-mumenti iebsa tagħna nieħdu konfort minnhom. Jispjega li anki fis-sofferenzi l-iktar koroh, xorta t-talb u s-solidarjetà bejn dawk maqbuda sarrfu f’tama, f’saħħa interna qawwija.
Insibuh jgħid hekk: “Ma nel loro cuore custodivano una fiamma che nessun tormento esteriore avrebbe potuto estinguere. Avevano la fede in Dio, avevano la speranza di cose immortali, avevano la coscienza di continuare, attraverso il dolore, la loro missione santificatrice, avevano, soprattutto, la certezza nella presenza del Dio Vivente che abitave nei loro miseri corpi, deformati dalla fame e dalle percosse.” (Imma f’qalbhom ippreservaw fjamma li ebda turment estern ma seta’ jitfi.
Kellhom il-fidi f’Alla, kellhom it-tama fl-immortalità, kellhom il-kuxjenza li jkomplu, fis-sofferenzi li kienu għaddejjin minnhom, il-missjoni tal-qdusija; kellhom, fuq kollox, iċ-ċertezza li kienu fil-preżenza t’Alla l-Ħaj li kien jgħix fil-miżerja tal-ġisem tagħhom, deformati mill-ġuħ u mid-daqqiet.)

Il-Bniedem
L-awtur imexxina bil-pinna sabiħa u diretta tiegħu. Jispjega dak li għadda minnu u li m’għandux jintesa. Ifakkarna li f’dan kollu, in-Nażiżmu ċaħħad lill-bniedem mill-importanza u d-dinjità li ħaqqu, li twieled bihom.
Għalina, fuq dan jikteb hekk: “Negato un principio spirituale sussistente, negata l’anima, l’uomo cessa di essere una persona con i suoi diritti ed i suoi doveri, libero ed autocosciente, per venire declassato al ruolo di semplice individuo, il cui valore si esaurisce in una funzione biologica, come tutti gli altri annimali.” (Meta tiċħad il-preżenza spiritwali fil-bniedem, tiċħad ir-ruħ; il-bniedem jieqaf ikun persuna bid-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu, fil-libertà u fil-kuxjenza, biex jiġi relegat fil-pożizzjoni ta’ sempliċi individwu, li l-valur tiegħu jispiċċa f’wieħed bioloġiku, bħall-annimali l-oħrajn.)

Mai più questo!
F’diversi mumenti, inti u taqrah jaqbiżlek id-dmugħ, u tkunx tista’ żżommu lura. L-atroċitajiet sotto umani, anzi anqas li l-bhejjem jgħaddu minnhom, ifakkru kemm ħidmet il-politiku Nisrani hija determinanti.
Kemm hemm bżonn aktar li jifhmu x’valur u x’melħ politiku veru għandu n-Nisrani x’jagħti sabiex jgħin biex l-Istat ma jispiċċax għodda tal-materjaliżmu li jmexxik tagħmel mill-bniedem oġġett: iktar illum quddiem l-isfida tal-abort u l-ewtanasja.
F’dan kollu l-awtur jagħlaq bi ħsieb li jixraq li jiġi rappurtat. Huwa jikteb hekk: “Chi giorno per giorno, nelle piccole come nelle grandi cose opera perché l’amore vinca l’odio e l’indifferenza, contribuisce a realizzare il grido che i superstiti lanciarono allora, dopo la liberazione.” (Dak li jum wara jum, fl-affarijiet iż-żgħar kif ukoll f’dawk kbar, iwettaq opri li bihom tirbaħ l-imħabba fuq l-odju u l-indifferenza, ikun qed jikkontribwixxi biex titwettaq l-għajta ta’ dawk li baqgħu ħajjin wara l-liberazzjoni.)
Dak hu li nipprova nkun f’ħajti u f’dan insib boxxla morali kontinwa li tmexxini. Dik il-linja ta’ dinjità u ħsieb li fiha nista’ ningħaqad ma’ dawk li jaħdmu u jiddikjaraw: qatt iżjed!

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 27 ta’ Jannar, 2026.