Żagħżugħ ta’ 25 sena ġie mqiegħed taħt ordni ta’ probation wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi ħfief lil raġel ieħor bl-użu ta’ strument jaqta’ u bil-ponta. Mahmoud Alaiwi, ċittadin Sirjan residenti Santa Venera, ġie kkundannat it-Tlieta dwar inċident li seħħ fis-27 ta’ April 2021 fil-Ħamrun.
Fil-bidu tal-proċeduri huwa kien wieġeb mhux ħati, iżda fit-5 ta’ Diċembru 2025 biddel il-fehma tiegħu u ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena, il-Qorti osservat li sal-29 ta’ April 2021 l-akkużat ma kellu l-ebda kundanna preċedenti.
Il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-ammissjoni ta’ ħtija waslet fi stadju avvanzat tal-proċeduri, iżda fl-istess ħin tqies li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u wieġeb għal kull mistoqsija li saritlu waqt l-interrogazzjoni.
Ġie kkunsidrat ukoll dak li sostniet il-Prosekuzzjoni, li l-akkużat sa mill-bidu tal-proċeduri wera li kien lest ibiddel ħajtu għall-aħjar u li r-relazzjoni tiegħu mal-vittma tjiebet maż-żmien. Il-Prosekuzzjoni argumentat li ordni ta’ probation kienet piena aktar xierqa f’dawn iċ-ċirkostanzi, pożizzjoni li magħha qablet ukoll id-difiża.
Il-Qorti waslet għall-konklużjoni li piena ta’ priġunerija effettiva ma kinitx se twassal għar-riżultat mixtieq u li, fl-interess tas-soċjetà u tal-akkużat innifsu, kellu jingħata opportunità biex jirriforma ruħu.
Għaldaqstant, il-Qorti poġġiet lill-imputat taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin u ordnatlu jħallas is-somma ta’ €667.22 fi spejjeż tal-Qorti. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi tal-Pulizija Lydon Zammit u Stephen Gulia, filwaqt li l-avukat Jason Grima deher għall-akkużat.
//= $special ?>

